Lokali Parlament

It-terapija ta’ konverżjoni tal-omosesswali hi llegali, assurda u krudili

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista sostniet fil-parlament li t-terapija ta’ konverżjoni tal-omosesswali hi llegali, assurda u krudili.

Hi qalet li l-parlament jaqbel li t-terapija biex persuni jinbidlu minn omosesswali mhix aċettabbli u spjegat li l-persuni omosesswali mhumiex difettużi għaliex ikunu twieldu b’dak il-mod.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-qasam tal-ispettaklu hu mimli persuni LGBTIQ u spjegat kif ħadd ma jimmaġina li xi ħadd jipprova jbiddel lil dawn il-persuni jew li jgħid li dawn il-persuni huma difettużi.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li din it-terapija toħloq problemi ferm agħar lil dawn il-persuni u spjegat li jkun hemm persuni li jibdew jgħixu f’gidba biex ma jkunux persegwitati.

Claudette Buttigieg qalet li din it-terapija hi umiljanti, krudili u degradanti u spjega kif it-terapija għandha tkun li l-persuni LGBTIQ jkunu aċċettati u lejhom tintwera imħabba.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-parlament issa qed idaħħal iċ-ċertezza legali dwar dawn iċ-ċirkostanzi u sostniet li l-bidla fil-mentalità jkun fadlilha triq twila ħafna wara l-parlament.

Ħadd mhu se jsib kenn fid-deputati għaliex it-terapija mhix aċċettabbli, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li anki r-riklamar favur it-terapija li hi kompletament assurda u krudili hi wkoll llegali u mhux aċċettabbli.

Claudette Buttigieg qalet li idealment għandu jkun hemm tibdil fil-mentalità u sostniet li llum hemm qawsalla ta’ kuluri u mhux bilfors roża u ċelesti. Din il-qawsalla tant saret kumplessa li xi kultant il-kuluri jisfumaw f’xulxin, sostniet Claudette Buttigieg, li qalet li hu immatur min irid ibiddel lil persuni oħra. Hi qalet li dawn iċ-ċirkostanzi jwassalu biex persuni anki jagħmlu suwiċidju propju minħabba t-terapija.

Claudette Buttigieg sostniet li meta persuna LGBTIQ ma tkunx aċċettata jiżdiedu l-problemi ta’ suwiċdju, dipressjoni, użu ta’ droga u alkoħol u l-persuni jitilfu l-idenità ta’ min huma u x’inhuma. Hi appellat lill-persuni li jistgħu jkunu sfurzati biex jinbidlu biex javviċinaw lil xi deputati biex jiddefendihom.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li minkejja li d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ hi fil-kostituzzjoni xorta għad hemm min jagħmel diskriminazzjoni.