Basketball Sport

Kampjonat BOV – Irġiel: Depiro u Starlites jibdew il-play-offs bir-rebħ

Colin Schembri

Mellieħa Libertas…….90

Depiro………………………91

(13-20)(27-22)(24-19)(18-21)(8-9)

Il-play-offs għall-istaġun 2022-2023 ma setax ikollhom bidu aħjar meta fi tmiem ta’ partita fantastika, Depiro għelbu lil Mellieħa Libertas 91-90. Partita li żammet lil kulħadd fuq ix-xwiek u kienet indikazzjoni oħra li l-basketball lokali kapaċi joffri partiti mill-isbaħ u ma jixraqlu xejn anqas minn sports ieħor. Depiro ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 12-2 fl-ewwel ħinijiet tal-partita fejn kellhom it-trippli minn Sean Galea u Kieron Caruana flimkien ma’ Cameron Cornelius. Mellieħa kellhom risposta minn Vukassin Jandric, Sebastien Valencia u Nenad Bukva però Depiro kellhom trippla oħra minn Galea u marru 12 minn fuq 20-8. Mellieħa naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Nikola Jovanovic u basket ta’ Isaac Bonett għal skor ta’ 13-20. Fit-tieni perjodu kien hemm trippla fuq kull naħa minn Caruana u Jovanovic bit-team ta’ Mellieħa jkomplu jnaqqsu d-distakk bil-punti kontinwi ta’ Valencia  għalkemm Depiro rrispondew bi-trippla ta’ Miguel Brincat. Mellieħa għamlu run ta’ 10-2 b’żewġ trippli ta’ Valencia u ppareġjaw il-partita 34-34. Brincat għamel trippla oħra fi break qasir ta’ 6-0 minn Depiro u minkejja żewġ trippli oħra ta’ Mellieħa minn Jovanovic u Robert Bonnici, Depiro żammew vantaġġ ta’ basket 42-40.

Wara l-intervall Mellieħa rnexxielhom li jieħdu l-vantaġġ għall-ewwel darba wara trippla minn Jandric u l-punti ta’ Valencia. Il-players ta’ Christian Narciso komplew bi break ta’ 11-2 biex marru 9 minn fuq 58-49 qabel ma kien hemm żewġ trippli fuq kull naħa. Depiro għalqu s-sessjoni b’sitt punti mingħajr risposta kollha minn Kameron Rooks għal skor ta’ 64-61. L-aħħar taqsima fetħet bil-punti ta’ Valencia għal Mellieħa però Depiro rrispondew b’run ta’ 13-4 fosthom b’żewġ trippli oħra ta’ Caruana biex reġgħu marru fuq quddiem 74-72. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn David Bugeja u Valencia però trippla ta’ Miguel Mallia naqqset id-distakk għal żewġ punti. Fl-aħħar 18 -il sekonda Rooks għamel l-aħħar basket hekk kif Mellieħa ma sabux il-basket u l-partita marret għal ħin barrani fuq skor ta’ 82-82. Il-ħin barrani fetaħ biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin però kollox kien deċiż fl-aħħar 15 -il sekonda. Free-throw minn Bugeja poġġa lil Mellieħa 89-87 minn fuq iżda fl-attakk ta’ wara, Cornelius ippareġja 89-89. Kien għad fadal erba’ sekondi u kien hemm foul fuq Jandric li però għamel free-throw minn tnejn. Il-ballun wasal għand Cornelius, li kien imdawwar b’erba’ players u l-pass fit-tul tiegħu sab lil Rooks bi triq vojta quddiemu u b’dunk għalaq il-partita fost il-ferħ tal-players u l-partitarji ta’ Depiro għaliex minkejja li kien għad fadal 0.02 sekondi, Mellieħa ma rnexxielhomx isalvaw il-partita biex l-ewwel rebħa marret għand Depiro.

Mellieħa Libertas: M. Falzon 2, D. Bugeja 15, R. Bonnici 3, V. Jandric 13, I. Bonett 4, N. Bukva 4, N. Jovanovic 12, M. Formosa, O. Said, S. Valencia 37.

Depiro: S. Galea 10, J. Micallef, N. Grech 4, A. Attard, S. Kenely, K. Rooks 26, M. Brincat 14, M. Mallia 3, C. Cornelius 20, A. Micallef, M. Debattista, K. Caruana 14.

Referees: Bernard Vassallo, Julie Londono, Nicky Azzopardi

Starlites FIJO………..73

Bupa Luxol…………..66

(17-14)(21-19)(17-19)(18-12)

Ic-champions Starlites FIJO wkoll fetħu l-impenji tagħhom fil-play-offs b’rebħa kontra Bupa Luxol 73-66. Il-partita kienet bilanċjata ħafna u kellha tkun run fl-aħħar taqsima li tat vantaġġ lil Starlites li setgħu jikkontrollaw sat-tmiem. Starlites, li irkupraw lil Matthew Attard, kienu ġejjin minn tlett telfiet konsekuttivi kontra l-istess avversarji u din ir-rebħa togħllilhom il-moral għat-tieni partita tal-Ħadd li ġej. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 8-3 bil-punti ta’ Alec Felice Pace u l-Amerikani Darius George u Zekiah Owens. L-Amerikani ta’ Luxol pjuttost kellhom partita kwieta speċjalment Tayler Mattos li ġie mibdul diversi drabi tul il-partita. Intant, Luxol ħadu l-vantaġġ wara trippli minn Jean Paul Schembri u Trevian Bell però kienu Starlites li temmew it-taqsima minn fuq wara punti ta’ Owens u Ian Felice Pace 17-14. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni kien kemm it-trippli ta’ Luxol minn Nikola Vasovic flimkien ma’ Bell u Stefan Cappello biex marru minn fuq 25-20. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet bi tlett three pointers konsekuttivi minn Attard u George u ż-żewġ timijiet komplew iwieġbu lil xulxin għal skor ta’ 38-35.

Wara l-intefvall, l-andament tal-partita baqa’ l-istess bi Starlites iżommu l-vantaġġ ta’ 5 punti 45-40. Hawn Luxol kellhom l-aħjar mument fil-partita meta għamlu run ta’ 12-2 b’diversi punti minn Vasovic  flimkien ma’ Marco Matijevic u Bell. Starlites ma tfixklux u rkupraw bi trippla ta’ I. Felice Pace u l-punti ta’ Jacob Bates biex temmew it-taqsima 55-54 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Luxol ippareġjaw bi trippla ta’ Schembri però hawn Starlites għamlu run ta’ 10-2 kollha minn George biex marru 8 minn fuq. Luxol ippruvaw jirkupraw u kellhom trippla minn Bell però A. Felice Pace reġa’ rrisponda għal Starlites li baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 73-66.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 12, Z. Owens 13, M. Attard 6, J. Bates 3, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri, R. Carabott, L. Farrugia, K. Xuereb 4, D. George 30.

Bupa Luxol: J. Cefai, N. Vasovic 13, M. Sciberras 2, T. Bell 14, JP Schembri 11, A. Trapani, L. Trapani, T. Mattos 7, M. Matijevic 4, S. Cappello 13.

Referees: Daniella Torok, Ivica Simic, Fiorentina Ciurariu