Lokali Parlament

Keith Schembri ta l-parir lil Konrad Mizzi biex jiftaħ kumpanija sigrieta u juża’ lil Nexia BT… imma “b’kumbinazzjoni”!

Keith Schembri, l-ex Chief of Staff tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat kien ta parir lil Konrad Mizzi biex jagħmel bħalu u jiftaħ kumpanija sigrieta u li juża lil Nexia BT kif għamel hu; imma dan kollu sar b’kumbinazzjoni!

Keith Schembri xehed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jiskrutinja l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas f’xhieda li damet sagħtejn. Din ix-xhida se tkompli fit-18 ta’ April 2023 fis-2 p.m.

Il-Kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati David Agius u Graham Bencini. Il-gvern kien rappreżentat mill-Whip Laburista Andy Ellul, mid-deputati Glenn Bedingfield u Alex Muscat u mill-Ministru Clayton Bartolo.

Keith Schembri qal li fl-2008 kien kellem lil Joseph Muscat fejn ħeġġu biex jikkontesta għal Mexxej Laburista u kompla li meta Muscat rebaħ l-elezzjoni kien qallu li għandu bżonnu bħala campaign manager tal-PL u aktar tard appuntah Chief of Staff meta l-PL rebaħ l-elezzjoni tal-20013.

Keith Schembri qal li ried jagħmel ċert li l-gvern Laburista jraħħas il-kontijiet b’25 % u sostna li l-Enemalta kienet taħt Konard Mizzi. Jien ma kont involut f’xejn ħlief meta konna nkunu kabinett, sostna Keith Schembri, li qal li kienu bejn sitta u seba’ persuni li pproponew lil Konrad Mizzi bħala Ministru għall-Enerġija.

Keith Schembri qal li kien wieħed minn ħamsa li fasslu l-programm elettorali Laburista u sostna li hu ma kienx mexxa ‘l quddiem il-proposta għall-enerġija. Hu sostna li kien jistaqsi għaliex il-Gvern Nazzjonalista ma għamilx l-użu tal-gass għall-power station u sostna li Joseph Muscat kien jinsisti li jsir ir-roħs. Hu qal li l-kontijiet kienu roħsu qabel tlestiet il-power station tal-Electrogas u sostna li hu kien jitkellem ma’ Muscat dwar il-proposti li qed jolqtu n-nies.

L-ex Chief of Staff qal li kien Joseph Muscat li għażel il-grupp biex imexxi l-kampanja u qal li kienu n-nies tekniċi li taw il-pariri lill-PL dwar il-power station. Hu qal li dan il-grupp qatt ma kellu preżentazzjonijiet tekniċi u spjega li ma jafx min kien imexxi l-preżentazzjonijiet lil dan il-grupp.

Keith Schembri qal li l-proposta għall-enerġija kien ipproponiha Konrad Mizzi ma xi persuni oħra u sostna l-peżentazzjoni saret minn Konrad Mizzi, David Galea u Louis Grech. Hu sostna li bħala campaign manager tal-PL kien approva din il-proposta.

Keith Schembri qal li l-pipeline seta’ jsir u sostna li ħada ma kien għamel il-proposta għall-power station tal-gass għaliex din kienet l-għażla naturali. Id-deċiżjoni kienet kollettiva, sostna Keith Schembri, li kompla li qatt ma siefer ma’ Joseph Muscat fuq l-enerġija. Mistoqsi jekk sifirx il-Libja ma’ Alex Sciberras Trigona, Keith Schembri qal li meta tela’ hu ma kinitx saret laqgħa ma’ Gaddafi u allura qatt ma kienet diskussa l-enerġija.

Keith Schembri qal li kien hemm ħafna nies li fasslu l-politika dwar l-enerġija iżda ma jafx min kienu u jekk kienx hemm barranin. Hu sostna li qatt ma kien sema’ bil-kumpanija Energy World u kompla li ma jixtieq lil ħadd jgħaddi minn problemi ta’ saħħa li għadda minnhom fejn waħda mill-problemi hi li għandu diffikultà biex jiftakar.

L-ex Chiref of Staff ċaħad li kien hemm ftehim mal-kumpanija Energy World qabel l-elezzjoni tal-2013 u qal li ma vverifikax din l-allegazzjoni minkejja li din kienet miktuba. Hu qal li ma jiftakarx li kien mistoqsi fuqha u li din hi tratta fir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma li kien hemm ftehim bejn il-PL u Energy World.

Keith Schembri sostna li ma jarax li dan il-ftehim hu ħażin għaliex ma sarx. Lil Konrad Mizzi sar jafu permezz ta’ Joseph Muscat fil-kampanja tal-2013, sostna Keith Schembri, li kompla li hu kien part-timer fil-PL għaliex kellu n-negozju tiegħu.

Ix-xhud qal li wara kull kabinet, il-Prim Ministru kien ilaqqa’ sitt persuni minn ministeri differenti u lil Konrad Mizzi kien jistaqsih f’hix wasal il-proġett tal-power station. Hu qal li qatt ma kien attenda iktar laqgħat iżda ftakar li kien attenda għal laqgħa waħda mal-Enemalta meta Joseph Muscat kien imsiefer.

L-ex Chief of Staff Schembri qal li ma jiftakarx min kien preżenti għal din il-laqgħa li fiha hu kien sema’ biss. Hu sostna li ma kienx ikun informat bil-laqgħat kollha li jsiru f’Kastilja u ma jafx bil-laqgħa li fiha kien deċiż li tingħażel l-Electrogas tal-11 ta’ Ottubru 2013.

Keith Schembri qal li hu ovvja li l-Prim Ministru kien informat b’dik il-laqgħa u b’dak li ġara fiha. Bilfors li jien kont informat b’din id-deċiżjoni… ma nafx… ma naħsibx…. ma kontx involut fit-tfassil tal-offerta, sostna Keith Schembri, li kompla li ma kellux infolviment jew influwenza fid-deċiżjoni li l-offerta tirbaħaha l-Electrogas.

Ħriġt mill-politika iktar fqir milli dħalt u kull meta jkun hemm offerta għadni niġi kkritikat biex ma noħodhiex, sostna Keith Schembri, li kompla li kull meta jkun hemm PAC, it-Times tattakah anki bil-mara. Hu qal li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tat-tliet imħallfin fl-inkjesta u żied li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma kienx involut fl-għażla tal-persuni li jpoġġu fil-Kumitati ta’ Evalwazzjoni tal-power station tal-Electrogas.

Keith Schembri sostna li ma jafx għaliex Nexia BT u Brian Tonna kienu fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u żied li lil Brian Tonna u Nexia BT kien ilu jafhom snin twal qabel fin-negozju. Hu żied li ma jafx kif ġie informat li ntrebħet l-offerta tal-power station u qal li kien wara u mill-media li sar jaf li kien hemm membru tal-Bord tal-Enemalta li vvotat kontra l-Electrogas.

Keith Schembri qal li darba hu kien il-UN u bagħat għalih is-Segretarju Permanenti tal-Ġermanja li qallu li kien hemm jitkellem f’isem is-Siemens u appellalu biex jimxu bil-ġust fl-għoti tal-offerta tal-power station. Hu qal li lil dan ir-rappreżentat Ġermaniż kien qallu li l-affarijiet hekk isiru.

L-ex Chief of Staff ta’ Joseph Muscat qal li aktar tard kien sar jaf lil Yorgen Fenech, lil Gasan u lil Paul Apap Bologna iżda qabel dawn qatt ma kellmuh la meta l-PL kien fl-Oppożizzjoni u lanqas meta kien fil-gvern.

Ix-xhud qal li kien iltaqa’ darba ma’ Ram Tumuluri u ltaqa’ darba ma’ Mark Pawley. Ma’ Yorgen Fenech kont qtajt il-kuntatt, sostna Keith Schembri, li sostna li fil-kampanja elettorali kien iltaqa’ mal-familja Fenech iżda qatt ma kienet diskussa l-power station.

Ma nafx għalxiex il-familja Fenech daħlu għall-power station; is-Sur George qatt ma riedha!, sostna Keith Schembri, li kompla li kien iltaqa’ mas-sidien tal-Electrogas għalkemm ma’ Yorgen Fenech kien iltaqa’ darba biss f’laqgħa.

Neskludi li Yorgen Fenech qatt kellimni dwar il-power station għax kienu moqdijin tajjeb minn Konrad Mizzi… kulħadd jaf…., ikkummenta Keith Schembri, li sostna li hu qatt ma daħal fil-kwistjoni tad-dazju li ma tħallasx mill-Eectrogas għax kien hemm il-Ministru Edward Scicluna.

Ix-xhud kompla li Konrad Mizzi kien jinforma kollox lill-kabinet, sostna li ma kienx jattendi għal riċevimenti u qal li kien irċieva invit għat-tieġ ta’ Ali Sadr li kien sar barra minn Malta.

Kelli offoshore company fil-Panama li kien jismiha Tillgate.. illum magħluqa. Ftaħtha… tant kelli kumpaniji offshore… ma tagħmillix differenza li ftaħtha…. kienet run of the mill… kelli bżonn nifta’ kollox New Zealand… ftaħthom minħabba inċident ta’ leak mal-Bank of Valletta, sostna Keith Schembri.

Hu qal li kienet kumbinazzjoni li l-kumpanija fetaħha fl-istess perjodu ma’ dik ta’ Konrad Mizzi u li uża wkoll lil Nexia BT. Keith Schembri kompla li 99% kien Konrad Mizzi li qallu biex jagħmel bħalu u jiftaħ kumpanija fil-Panama. Keith Schembri qal Konrad Mizzi qallu li kien se jagħmel bħalu…. “xi tridni nagħmel!”

L-ex Chief of Staff qal li kien hu li ssuġġerielu lil Nexia BT għax kien l-awditur tiegħu. Hu qal li Nexia BT kienu wkoll l-awdituri ta’ Joseph Muscat. Keith Schembri qal li Konrad Mizzi kien qallu biex jagħmel bħalu “għax kull ma tmiss isirlek deheb int”.

Ix-xhud sostna li kien mar fetaħ trust New Zealand għax din hi pajjiż fil-Commonwealth u żied li ma kienx ra kunflitt ta’ interess li Nexia BT kienu involuti fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u kienu l-awdituri tiegħu.

Niċħad li hemm konnessjoni bejn Electrogas, Tillgate u 17 Black, sostna x-xhud, li kompla li xejn ma kien hemm proġettat bħala transazzjonijiet. Niċħad li fl-2016 kellhom isiru l-ewwel transazzjonijiet bejn 17 Black u Tilllgate, sostna x-xhud, li qal li kien jaf li 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech. Hu qal li wara li joħroġ mill-politika kien se jagħmel negozju ma’ Yorgen Fenech. Dan in-negozju kien riċiklaġġ… issa ma niftakarx, sostna Keith Schembri, li kompla li ma jiftakarx meta sar jaf ta’ min hi 17 Black.

Ix-xhud kompla li ma kinx jaf min hu s-sid ta’ Egrant u żied li kien informa lil Muscat li 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech u li din kienet saret għall-kummerċ. Hu qal li lil Konrad Mizzi qallu biex jagħmel bħalu u jiftaħ kumpanija sigrieta.