It-tniġġis tad-dawl minn vapuri tal-merkanzija jħarbat id-dħul tal-Garni fil-bejtiet tagħhom, u jista’ jaffettwa kemm ibejtu b’suċċess, skont studju li għadu kif ġie ppubblikat fil-Journal of Ornithology. L-awturi ta’ dan l-istudju jikkonkludu li hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni tal-emissjonijiet mid-dwal u l-attività marittima fi żmien il-bejta biex jitnaqqas l-impatt fuq dawn l-għasafar tal-baħar.
Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li l-Garnija, tajra tal-baħar magħrufa bħala Yelkouan Shearwater bl-Ingliż, tbejjet fi xquq dojoq u għerien fl-irdumijiet Maltin u madwar il-Mediterran filwaqt li dawn l-għasafar joqorbu lejn il-kolonji tagħhom biss fid-dlam sabiex jevitaw il-predaturi. Filwaqt li dan it-tajr tal-baħar jirregola ruħu miċ-ċiklu tal-qamar, dan l-istint naturali jista’ jiġi mħarbat mid-dawl artifiċjali.
Il-Garni huma kkunsidrati bħala Vulnerabbli għall-Estinzjoni u postijiet fejn ikun hemm il-bejtiet tagħhom ġieli ġew abbandunati wara żieda fil-bini u tniġġis mid-dawl.
Martin Austad u kollegi minn BirdLife Malta, ir-Royal Society for the Protection of Birds (RSPB) u l-Università ta’ Giessen (Ġermanja) studjaw kif it-tniġġis tad-dawl minn vapuri kbar tal-merkanzija li jingħataw il-fjuwil fuq il-baħar minn bastimenti apposta, kellhom effett fuq kolonja tal-Garni fil-Park tal-Majjistral. Peress li l-Garni jkunu attivi billejl fuq il-postijiet tal-bejta u ma jistgħux jingħaddu faċilment, ir-riċerkaturi waħħlu tikketta zgħira (simili għal dawk li jintużaw fuq il-pets) fuq il-Garni, u mbagħad użaw sistema ta’ monitoraġġ (Radio Frequency Identification, RFID) biex jgħoddu n-numru ta’ għasafar deħlin u ħerġin fil-bokka tal-għar fil-perjodi tal-bejta fir-rebbiegħa bejn l-2017 u l-2020. L-awturi tal-istudju kejlu wkoll il-livell tad-dawl li kien qed jolqot l-irdumijiet fejn ibejtu l-Garni u n-numru ta’ vapuri li kienu preżenti fl-istess żmien.
Din ir-riċerka wriet b’mod ċar li l-vapuri żiedu l-livell tad-dawl fl-irdumijiet u li kellhom effett simili għal dak tal-qamar kwinta. Kif kien mistenni, f’livelli ogħla ta’ dawl kien hemm inqas Garni li daħlu fil-kolonja. Fil-preżenza ta’ vapuri u t-tniġġis tad-dawl li dawn ikkawżaw, in-numru ta’ Garni li daħal fl-għar kull siegħa naqas b’medja ta’ 18%.
L-awturi jsostnu li peress li l-Garni ma jidħlux fil-bejtiet tagħhom taħt dawl qawwi, meta jkun hemm il-vapuri jdawlu l-irdumijiet tal-kolonja, x’aktarx ma jkunux jistgħu jitimgħu l-frieħ tagħhom b’mod regolari kif suppost. Huma jissuġġerixxu li ma jkunx hemm vapuri billejl quddiem il-kolonji tal-Garni u jħeġġu lill-industrija tat-tbaħħir biex taħdem ħalli tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha fuq l-għasafar tal-baħar. Kull bastiment jista’ jnaqqas it-tniġġis tad-dawl permezz tal-installazzjoi ta’ blinds fit-twieqi u lqugħ għal kull tip ta’ dawl, u billi jdawwar id-dwal lejn il-gverta fejn hu meħtieġ. Miżuri simili ġew implimentati b’suċċess fin-Nofsinhar tal-Oċean Atlantiku u jistgħu jiġu introdotti wkoll fl-Ewropa u l-Mediterran. Jingħad ukoll li bastimenti qed jingħataw il-fjuwil f’siti marittimi li jiffurmaw parti min-netwerkNatura 2000, u l-awtoritajiet Maltin għandhom inaqqsu t-tniġġis mid-dawl f’dawn iz-zoni protetti filwaqt li jagħtu l-eżempju billi jdaħħlu regolamenti għat-tniġġis tad-dawl minn bastimenti fil-Baħar Mediterran.
L-istudju sar bħala parti mill-proġett LIFE Arċipelagu Garnija (LIFE14 NAT/MT/991), iffinanzjat mill-fondi tal-programm LIFE tal-UE u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima. BirdLife Malta, l-RSPB u Transport Malta kienu l imsieħba fil-proġett. L-istudju sħih jista’ jinqara hawnhekk.
//= $special ?>