Internazzjonali

L-Istati Uniti: L-ewwel qtil tal-massa minn persuna transgender…Jidher li l-massakru fl-iskola kien premeditat

L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Tennessee jemmnu li l-aggressur – identifikata bħala mara transgender – li wettqet il-massakru tat-Tnejn fi skola ta’ Nashville setgħet kellha ‘mibgħeda speċjali’ għall-amministrazzjoni tal-istess skola li kienet tattendi snin qabel bħala eks-studenta.

L-aggressur inqatlet erbatax-il minuta biss wara li laħqet toqtol sitt persuni  — tlieta minnhom studenti ta’ disa’ snin – meta daħlet bil-forza fl-iskola u bdiet iddur fil-kurituri u l-klassijiet tal-kumpless hi u tispara b’azzararin awtomatiku. Intant, il-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza ma kellhomx għażla ħlief li jisparaw fuq l-aggressur ladarba hi kienet fetħet in-nar għal fuqhom.

L-aggressur kien jisimha Audrey Hale, ta’ 28 sena, u li l-pulizija fissruha bħala ‘mara bioloġika li kienet tirreferi għaliha nnfisha b’termini maskili fuq il-profil tal-media soċjali.’ U filwaqt li kien hemm element ta’ konfużjoni dwar is-sess ta’ din il-mara, il-pulizija, fl-aħħar sigħat, kienu qed jirreferu għaliha bħala persuna transgender.

Intant, l-istazzjonijiet tat-televiżjoni qed jiċċirkulaw il-filmati ta’ Hale, liebsa bi stil militari u waqt li qed tipponta l-azzarin ‘il quddiem,  hi u ddur fil-kurituri tal-iskola.

Audrey Hale ma kellha l-ebda rekord kriminali iżda jidher li hi kienet bagħtet messaġġ speċifiku dwar l-intenzjonijiet tagħha, ftit tal-ħin biss qabel l-isparatura fl-iskola privata ta’ Tennessee. Il-kumpless inkwistjoni hu magħruf bħala The Covenant School u jattendu fiha l-istudenti bejn it-tlieta u ħdax-il sena.

It-tliet adulti maqtula fl-attakk jinkludu lill-Kap tal-iskola, Katherine Koonce u żewġ għalliema – li lkoll kellhom aktar minn 60 sena

Il-pulizija li, wara, fittxew fir-residenza ta’ Hale  sabu manifest u ‘mappa bid-dettalji ta’ kif kellu jseħħ l-attakk fuq l-iskola’, minbarra dijagramma bil-punti tal-aċċess għal dak il-kumpless. Id-dokumenti qed ikunu studjati mill-pulizija meta hemm ukoll indikazzjonijiet li l-aggressur kienet għamlet ‘sorveljanza bir-reqqa’ tal-iskola hi u tippjana l-attakk.

Filwaqt li Hale kienet armata sa snienha meta daħlet fl-iskola, il-pulizija li fittxew fid-dar tagħha elevaw aktar armi tan-nar, fosthom azzarini u senter inserrat.

Luttu u xokk kbir f’Nashville

Il-Covenant School, affiljata mal-Knisja Presbiterjana, tinsab fin-neighbourhood ta’ Green Hills (f’Nashville) u d-diretturi tal-iskola ħarġu stqarrija li esprimiet ix-xokk u swied il-qalb tal-membri kollha ta’ dik il-komunità.

Intant, l-istudenti ċkejknin li għexu mill-esperjenza kerha qegħdin jingħataw il-counselling għat-trawma li sofrew waqt l-isparatura u wara li huma kienu evakwati mill-iskola waqt is-sitwazzjoni ta’ ‘active shooter’.

Fl-istess ħin, il-pulizija kienu għadhom qed janalizzaw l-iskopijiet qattiela ta’ Hale u r-raġunijiet li seta’ kellha biex twettaq dan il-massakru. Mifhum ukoll li l-omm u l-missier tal-aggressur qegħdin jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ Nashville waqt l-inkjesta.