Internazzjonali

L-Ukrajna: Jirċievu t-tankijiet ‘Challenger’ mingħand il-Britanniċi

Il-kapaċitajiet għad-difiża tal-Ukrajna ħadu spinta oħra ‘il quddiem wara li waslulha  l-ewwel minn kunsinna ta’ tankijiet tal-gwerra tat-tip Challenger 2 mingħand ir-Renju Unit.

Il-Gvern Britanniku, f’Jannar, kien wiegħed li jibgħat 14 minn dawn it-tankijiet lill-Ukreni biex iħejju aħjar għal kontro-offensiva potenzjali kontra t-truppi Russi fl-Ukrajna. Intant, il-Ministru tad-Difiża Ukren, Oleksii Reznikov, qal li t-tankijiet inkwistjoni dalwaqt se jintużaw għall-kumbattimenti mal-qawwiet tal-Kremlin.

Hemm ukoll indikazzjonijiet li t-tankijiet Challenger. ‘il quddiem, se jkunu attivi ferm fil-battalji għall-kontroll tal-ibliet lejn il-Lvant tal-Ukrajna, b’Reznikov jirringrazzja lill-Gvern Britanniku għall-għajnuna militari waqt li ħeġġeġ biex pajjiżi oħra wkoll isostnu l-kapaċitajiet militari tal-Ukrajna f’dan iż-żmien diffiċli.