Il-Grupp MeDirect, ħabbar profitt wara t-taxxa ta’ €8.7 miljun fl-2022. Dawn ir-riżultati nkisbu matul sena li fiha l-Grupp għamel progress sinifikanti fl-eżekuzzjoni tal-pjan tat-trasformazzjoni tiegħu. Dan kien jinkludi aktar investiment fit-teknoloġija u l-iżvilupp tal-Wealth SuperApp għall-klijenti f’Malta u l-Belġju, l-espansjoni fis-servizz tal-home loans u il-kontinwazzjoni tat-trasformazzjoni tal-balance sheet ta’ MeDirect. Fl-2022, MeDirect kabbar in-numru ta’ klijenti għal 108,000. Il-klijenti tal-Grupp bejniethom kellhom Eur4.2 biljun f’assi finanzjarji, li Eur1.4 biljun minnhom kienu investimenti miżmuma f’kustodja ma’ MeDirect. Minkejja ambjent makroekonomiku volatili, MeDirect kiseb penetrazzjoni fis-settur ta’ l-investimenti ta’ 37% tad-depożitanti tiegħu. Il-klijentili għandhom investimenti mal-bank, għandhom medja ta’ €58,000 f’assi finanzjarji ma’ MeDirect. MeDirect qed ikompli jopera b’kapital sod u proporzjonijiet ta’ likwidità li jaqbżu r-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet regolatorji kollha.
Matul l-2023, MeDirect għandu l-għan li joffri aktar soluzzjonijiet innovattivi għad-demokratizzazzjoni tal-investiment filwaqt li jespandi fit-tielet suq Ewropew tiegħu, l-Olanda. Fejn jidħlu servizzi ta’ investiment, MeDirect se jsostni is-servizz MeManaged, li tnieda fl-aħħar tal-2022 biex joffri lill-klijenti aċċess għal servizz ta’ discretionary portfolio management li huwa kompletament diġitali u aċċessibbli għal kullħadd. Dan is-servizz huwa mmanigjat minn MeDirect, fi sħubija ma’ BlackRock. Prodotti ġodda huma ppjanati għall matul l-2023, bl-għan li jkomplu jiggwidaw u jappoġġaw lill-klijenti fl-investimenti tagħhom. MeDirect se joffri wkoll cards virtwali u fiżiċi, li jagħtu lill-klijenti kapaċità akbar li jużaw lil MeDirect għall-bżonnijiet bankarji tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, MeDirect qed jippjana li juża l-kapaċitajiet teknoloġiċi avvanzati tiegħu biex joffri l-pjattaforma tiegħu fuq bażi ta’ software as a service lill-istituzzjonijiet finanzjarji terzjarji li qed ifittxu li jniedu jew jespandu l-kapaċitajiet diġitali tagħhom fis-settur ta’ l-investimenti.
F’vidjo ppubblikat, Arnaud Denis, Kap Eżekuttiv tal-Grupp MeDirect, iddiskuta l-prestazzjoni u l-istrateġija tal-bank, u qal: “Matul is-sena l-oħra, MeDirect baqgħa ffukat fuq l-għan tiegħu: li jagħti l-għodda necessarji lill-klijenti biex ikabbru l-ġid tagħhom b’kunfidenza u awtonomija.” Denis żied jgħid, “Nixtieq nirringrazzja lill-klijenti kollha tagħna għall-fiduċja tagħhom u lit-timijiet tagħna għad-dedikazzjoni tagħhom biex niżguraw li nwettqu dan il-pjan. Il-profitt tagħna tal-2022 se jsaħħaħ il-bażi kapitali tagħna u jpoġġi lil MeDirect f’pożizzjoni tajba biex ikompli jimxi ‘l quddiem.”
Kif innutat fir-Rapport Annwali tal-2022, il-pjan strateġiku ta’ MeDirect huwa bbażat fuq erba’ pilastri:
• Bini tal-pjattaforma WealthTech,
• Tkabbir fir-retail franchise,
• It-tnaqqis tar-riskju u d-diversifikazzjoni tal-balance sheet, u
• It-tisħiħ tal-mudell operattiv.
Ix-xogħol ta’ MeDirect biex jistabbilixxi ruħu bħala pijunier Ewropew fis-settur tal-WealthTech ingħata spinta sinifikanti l-quddiem bit-tnedija tal-Wealth SuperApp tiegħu kemm f’Malta kif ukoll fil-Belġju. L-App toffri servizzi bankarji li l-klijenti jkollhom bżonn ta’ kuljum mingħajr xkiel, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ investiment onlajn, b’għazla għal aktar minn 5,000 investiment finanzjarju, inkluż madwar 1,750 mutual fund, 480 ETF, 250 bond u ishma fi 3,000 kumpanija li jiġu nnegozjati fi 17-il borża madwar id-dinja.
MeDirect kompla jżomm livelli għoljin ta’ sodisfazzjon tal-klijenti, kif jidher mill-fatt li 90% tal-klijenti ta‘ MeDirect li kellhom kont ħames snin ilu għadhom klijenti llum. Fil-Belġju, MeDirect ġie ikklassifikat fit-tielet fost il-banek Belġjani għal prodotti ta’ investiment minn Spaargids.be.
Fl-2022, MeDirect kompla jnaqqas ir-riskju u jiddiversifika permezz tat-tkabbir tal-portafoll tal-home loans għal €2 biljun, li minnhom €1.8 biljun huma NHG Olandiżi (ggarantiti mill-gvern). Fl-istess waqt, MeDirect naqqas il-portafoll ta’ self korporattiv internazzjonali tiegħu għal €512 miljun, li jirrappreżenta inqas minn 11% tal-balance sheet. Il-portafoll tal-home loans huwa hedged kontra r-riskju fit-tibdil tar-rati tal-imgħax u huwa ffinanzjat parzjalment permezz tal-programm ta’ Mortgage Securitisation Bastion ta’ MeDirect. Fi sħubija ma’ Allianz Benelux S.A./N.V., MeDirect bena pjattaforma biex jgħati home loans fil-Belġju, li ammontaw għal €132 miljun sa l-aħħar tas-sena. Lejn l-aħħar tal-2022, MeDirect nieda wkoll prodott fl-Olanda ghal dawk li jixtru proprjetà ghall-kiri. Dan seħħ fi sħubija ma’ Build Finance, ditta speċjalizzata Olandiża fis-settur buy-to-let. F’Malta, MeDirect uża teknoloġija innovattiva biex jistabbilixxi standards ġodda fis-suq Malti tal-home loans fir-rigward taż-żmien li jittieħed biex toħroġ kwotazzjoni u ż-żmien sakemm l-applikazzjoni tiġi approvata. Sa tmiem is-sena 2022, MeDirect kien sellef €68 miljun f’home loans f’Malta. MeDirect kompla jkabbar in-negozju tiegħu fis-settur korporattiv, kemm fejn jidħol self, kif ukoll servizzi finanzjarji oħra b’suċċess.
MeDirect saħħaħ il-mudell operattiv tiegħhu billi bena l-kapaċitajiet teknoloġiċi proprjetarji tiegħu u tejjeb l-effiċjenza li jopera biha. Bħala wieħed mill-vantaġġi kompetittivi ewlenin tiegħu, MeDirect jippossjedi l-proprjetà intellettwali ta’ elementi kritiċi tas-sistemi tiegħu. Sal-lum, ġew mnedija aktar minn 28 miljun linja ta’ code. Minkejja investimenti sinifikanti fit-teknoloġija u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, MeDirect żamm l-ispejjeż fuq l-istess livelli ta’ l-2021. MeDirect fetaħ ukoll ufficju fit-Turkija biex jikkumplimenta t-tim ewlieni ta’ developers f’Malta.
Is-Sur Denis qal: “MeDirect għadda minn trasformazzjoni kbira matul dawn l-aħħar tliet snin, li matula għaqqadna d-DNA ta’ kumpanija Tech ma’ dik ta’ bank filwaqt li ffukajna biex nniedu prodotti ġodda ta’ kwalità għolja filwaqt li nibqgħu noffru servizz konvenjenti u affidabbli. Dan huwa rifless fis-suċċess tal-pjattaforma tagħna tal-WealthTech, li toffri soluzzjonijiet innovattivi li jinftiehmu faċilment u li huma aċċessibbli minn kulħadd. Parti minn din it-trasformazzjoni ġiet riflessa wkoll fl-isforz tagħna biex nagħtu lill-impjegati l-aħjar ambjent tax-xogħol possibbli u opportunitajiet biex jimxu l-quddiem fil-karriera tagħhom. Fl-aħħar nett, dejjem niżguraw li noperaw b’mod responsabbli bl-ogħla standards ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba.”
L-impenn ta’ MeDirect lejn l-ESG kien rifless fin-Non-Financial Statement ta’ MeDirect, ippubblikat flimkien mar-Rapport Annwali u d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji tiegħu. Dan id-dokument jagħti dettalji dwar l-Istrateġija ta’ l-ESG li ġiet adottata mill-Grupp, il-progress miksub fl-2022 u l-miri varji li MeDirect stabbilixxa biex jiżgura li jilħaq, fost għanijiet oħra, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.
//= $special ?>