Lokali

Miljuni għal Steward iżda ebda flus għall-infermieri

F’intervista waqt il-programm Net Live il-President tal-MUMN Paul Pace esprima r-rabja tiegħu għall-Gvern minħabba l-fatt li lil Steward tawhom il-miljuni…iżda għall-infermieri u l-qwiebel mhemm ebda flus.

Fuq Net Television, Paul Pace spjega kemm hu kbir in-nuqqas ta’ infermieri f’pajjiżna, u li xejn mhu qiegħed isir dwar dan. Għalhekk, hu stenna kooperazzjoni minn naħa tal-Gvern, billi jsiru laqgħat mal-MUMN dwar dawn il-problemi, u li l-Gvern jiġi għal dawn il-laqgħat bil-proposti u pakketti ta’ inċentivi.

Paul Pace spjega kif fl-aħħar kontro-proposta, il-Gvern ma setax jifhem kif il-pazjenti se jibbenefikaw minn dawn l-inċentivi, u ma irrealiżżax verament in-nuqqas ta’ ħaddiema li hemm fl-isptarijiet.

U l-Gvern staqsa lill-MUMN x’se jieħdu t-taxpayer minn dawn il-proposti, minflok staqsa lil Steward x’għamlu huma bi flus tal-poplu.

Il-Gvern qalilhom li mhemmx biżżejjed fondi għall-proposti li mexxew ‘il quddiem l-MUMN; u f’kull laqgħa jgħidulhom li mhemmx flus.

Waqt din l-intervista, Paul Pace insista li lill-infermieri idejjaqhom ħafna il-fatt li sa issa għadu ħadd ma refa’ r-responsabbilta tal-iskandlu ta’ Vitals u Steward.

Paul Pace insista li minn naħa tal-Gvern m’hemmx ħeġġa, investiment u pjanar għas-settur tas-saħħa. U l-Gvern qiegħed ikompli jċaħħad lin-nies min dak li jistħoqilhom.