Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Pulizija wara rapport fuq scooter

Raġel ta’ 32 sena residenti Marsaskala ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendi li nhar il-Ħadd li għadda kkaġuna ġrieħi ħfief fuq kuntistabbli tal-Pulizija wara li hu stess għamel rapport li kien hemm scooter fejn ir-residenza tiegħu li kien qed idejjqu.

Kurt Farrugia, li qal li jaħdem bħala kaħħal u bajjad wieġeb mhux ħati li hedded  tmien membri tal-Korp tal-Pulizija, nkluż lill-Kuntistabbli li sofra minn ġrieħi u li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li impedixxihom milli jaqdu dmirhom, inġurjhom u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa ġie mixli wkoll li hedded tliet persuni li huma ġirien tiegħu u li għamel ħsara fl-iscooter li kienu qed jużaw. Huwa mifhum li l-battibekki bejn l0akkużat u l-ġirien ilhom għaddejjin. Fil-bidu l-Avukat Robert Spiteri kkontesta l-validità tal-arrest li ġie kkonvalidit wara li l-prosekuzzjoni spjegat kif seħħ l-allegat każ.

Il-prosekuzzjoni qalet li sar rapport mill-akkużat fuq scooter li beda jdejjqu u meta l-Pulizija marru fuq il-post biex jassistuh dan beda jheddihom u jaġixxi b’mod agressiv magħhom, tant li f’ħin minnhom beda jagħti bil-ponn fuq stuttura tal-aluminium.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, liema talba sabet oppożizzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi  u minkejja li l-kondotta tiegħu mhux waħda kkulurita, mhijiex netta. Hawn il-Maġistrat qalet li għandu xi ħaġa mhux kbira li tmur lura sa l-2010. Il-prosekuzzjoni qalet li kienet qed toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat fejn minn fuq li l-Pulizija pprovat tgħinu spiċċa biex attakahom.

Qalet ukoll li mhux persuna affidabbli u mhux denju li jkun fis-soċjetà. Id-difiża wieġbet li l-kwistjoni ta’ affidiabilità ma reġix u li jekk wieħed jara l-fedina penali tiegħu jsieb li din hija waħda nadifa u li Farrugia għadu preżunt innoċenti. Dwar intraċċ tal-provi qal li x-xhieda jikkonsistu minn uffiċjali tal-Pulizija u dwar ix-xhieda pajżana, allegati vittmi wkoll f’dan il-każ, kienu huma li attakkaw lill-akkużat u li messhom huma kienu li tressqu l-Qorti.

“Għandu ġrieħi li huma viżibbli u ovvja li kien fi stat ta’ paniku u nervuż fil-ħin li marru l-Pulizija wara dak li għadda minnu,” qal l-Avukat tiegħu. Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet laqgħet it-talba għall-pleġġ bil-kundizzjoni li jiddepożita 1,500 ewro u garanzija personali ta’ 10,000 ewro u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar kull nhar Tnejn u l-Ġimgħa bejn is-7am u s-7pm.

Il-Qorti mponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tmien uffiċjali tal-Pulizija u tliet persuni li joqgħodu ħdejn l-akkużat. Għal Farrugia deher l-Avukat Roberto Spiteri u l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Kurt Farrugia.