Lokali Parlament

Robert Abela jibqa’ ma jindirizzax il-parlament dwar summits tal-UE

Il-Prim Ministru Robert Abela ilu minn Lulju 2022 ma jindirizza lill-parlament dwar summits tal-Unjoni Ewropea.

Dan irriżulta minn punt imqajjem fil-parlament mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li staqsa għaliex il-Prim Ministru mhux jindirizza l-parlament wara dawn is-summits kif dejjem sar mill-prim ministri ta’ qablu.

Robert Cutajar semma’ kif il-Prim Ministru attenda s-summit tal-UE fi Brussell l-ġimgħa li għaddiet iżda ma kien hemm l-ebda indirizz lill-parlament. Hu appella lill-Prim Ministru biex jinforma lill-parlament dwar dak li jkun seħħ f’dawn is-summits biex b’hekk ikun jista’ jsir id-dibattitu neċessarju.

Għall-mistqosija parlamentari tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qam iwieġeb il-Whip Laburista Andy Ellul li kellu diffikultà biex jispjega din is-sitwazzjoni u qal biss li l-Prim Ministru Robert Abela dejjem ta l-informazzjoni neċessarja.

L-indirizz tal-Prim Ministru wara s-summits tal-UE u d-dibattitu li kien isegwi wara kienu dejjem regola tal-parlament wara kull summit li għalih jattendi l-Prim Ministru.

Fil-fatt jirriżulta li l-aħħar darba li l-Prim Ministru Robert Abela indirizza l-parlament wara summit tal-UE kien fil-5 ta’ Lulju 2022 wara l-laqgħat tal-Kunsill tal-Ewropa.