Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq serq ta’ flus kontanti u attentat ta’ serq minn ħanut

Raġel ta’ 34 sena minn Żimbabwe li aktar kmieni dan ix-xahar ammetta fil-Qorti li seraq mobile phone mill-Marsa, reġa’ ammetta meta tressaq il-Qorti fuq attentat ta’ serqa minn ħanut f’Tas-Sliema u li seraq flus kontanti minn karozza fl-istess lokalità f’Jannar li għadda,

Ibrahim Ismail Farouk ġie kundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ammetta li fil-21 ta’ Jannar li għadda bejn is-1am u t-3am ittanta jisraq minn ħanut tal-ħaxix fi Triq Karm Galea, tas-Sliema, liema delitt ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa inċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu.

Huwa ammetta wkoll li matul il-lejl ta’ l-ewwel tas-sena u l-għada tal-2023 seraq aktar minn 233 ewro iżda anqas minn 2,333 ewro minn  karozza pparkjata fi Triq it-Torri tas-Sliema. Ir-raġel tressaq mill-Ispettur Jonathan Ransley u għalih deher l-Avukat Martin Fenech.

Dwar meta tressaq fid-19 ta’ Marzu li għadda, Farouk ammetta li seraq il-mobile fil-5 ta’ Marzu li għadda, għall-ħabta tal-11.30pm kif ukoll li kiser sentenzi tal-Qrati ta’ Malta. Huwa kien intagħraf minn cameras tas-sigurtà jisraq il-mobile phone.

Id-difiża dak inhar kienet talbet biex qabel tingħata s-sentenza jsir rapport dwar il-qagħda soċjali tar-raġel u rrimarkat li għandu l-problemi wara li tilef l-impjieg fi żmien il-Covid. Il-Maġistrat ta’ dak inhar Monica Vella, li quddiemha tressaq Farouk f;jum San Ġużepp, laqgħet it-talba u se tagħti s-sentenza fid-29 ta’ Marzu li ġej.