Lokali Qorti

Żagħżugħ Ingliż immultat €3,000 wara li aggredixxa uffiċjali tal-pulizija

Żagħżugħ Ingliż ta’ 17-il sena ngħata multa ta’ €3,000 wara li ammetta li aggredixxa żewġ uffiċjali tal-pulizija fis-Swieqi. L-akkużat, li fil-Qorti ngħad li m’għandux residenza fissa f’Malta, kien ġie arrestat għall-ħabta tas-6:45am tat-Tnejn filgħodu.

L-Ispettur Zachary Zammit, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Qorti kif dakinhar kienu ntbagħtu uffiċjali tal-pulizija f’Tal-Ibraġġ, biex jistħarrġu disturbanza rrappurtata hemmhekk. Mal-wasla tagħhom fuq il-post, l-uffiċjali sabu żewġ nisa viżibilment imnikktin bil-wieqfa ħdejn karozza bl-imputat ġewwa fiha, jgħajjat magħhom biex “joħroġuh mill-karozza”.

Wara li nħareġ mill-vettura, l-imputat ipprova jaħrab mill-pulizija bil-mixi, u dan wassal biex jiġi segwit mill-uffiċjali. Huwa nstab, ftit wara, moħbi ġewwa barriera. Iżda meta żewġ uffiċjali tal-pulizija kienu resqu lejn il-moħba tiegħu, l-imputat attakkhom u tefagħhom mal-art, u darabhom ħafif.

Huwa eventwalment ġie ċċirkondat f’rokna u spiċċa arrestat. Il-ġuvni taħt l-età tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, akkużat li weġġa’ ħafif lill-pulizija, li rreżista l-arrest u li insulenta u heddidhom waqt l-arrest tiegħu.

Waqt li kien qed jinstema’ l-każ, maġenbu kien hemm missieru li qal li ibnu kien taħt l-effett tad-droga u alkoħol u għalhekk għamel dak li għamel. “Nixtieq niskuża ruħi mal-Qorti”, qal il-missier viżibilment urtat għal dak li għamel ibnu. Il-Qorti qaltlu li mhux hu għandu juskużu ruħu, imma ibnu għal dak li għamel. Kien hawn li l-akkużat skużu ruħu mal-Qorti u għat-tieni darba ammetta l-akkużi miġjubin kontrih.

Meta kkundannat liż-żagħżugħ, il-maġistrat osservat li l-imputat huwa minorenni u sussegwentement kien ikkopera mal-awtoritajiet. Huwa ġie mmultat €3,000, li l-qorti ordnat li dawn iridu jitħallsu fi żmien sena. L-Avukat Martin Fenech irrappreżenta liż-żgħażagħ bħala avukat tal-għajnuna legali.