Lokali

Aġġornament tal-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga wara l-insistenza tal-PN

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ssetja l-aġenda tal-pajjiż, din id-darba fil-qasam tal-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga. Xahar u nofs wara li l-Partit Nazzjonalista ħabbar li kien se jitlob lill-Kumitat Parlamentari għall-Politika Soċjali biex issir konsultazzjoni pubblika u eventwalment, aġġornament tal-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga, il-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jaġixxi.

Dan ħareġ minn stqarrija miktuba mill-Membri fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali, David Agius, Graziella Galea u Ivan Bartolo f’isem il-Partit Nazzjonalista, fejn tkompli tgħid li hu ta’ sodisfazzjon għall-Partit Nazzjonalista li l-Gvern mexa fuq ir-rakommandazzjoni tiegħu u ta bidu għal dan il-proċess. Iżda issa, quddiem il-fatt li s’issa għadha ma saret l-ebda konsultazzjoni, hu importanti li ssir konsultazzjoni vera u mhux waħda finta.L-użu tad-droga f’pajjiżna sploda fl-aħħar snin.

Matul is-sena li għaddiet il-Pulizija sabet madwar 3,000 kilogramma ta’ kokaina, b’valur ta’ €386 miljun. Dan juri li l-pjaga tad-droga f’pajjiżna nfirxet b’mod allarmanti u qed tkisser familji u individwi aktar minn qatt qabel.

Sadanittant, fil-Parlament, il-Ministru għall-Politika Soċjali stess ammetta li d-Dokument “Il-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna” ilu ma jiġi aġġornat u mġedded għal aktar minn 15-il sena, jiġifieri mis-sena 2008.
Fil-fatt, kien Gvern Nazzjonalista li kien ippreżenta din il-Politika f’Jannar 2008, mill-Ministru Dolores Cristina. Dan kien sar wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti, inkluż b’konsultazzjoni pubblika.