Lokali

Aġġornata: Żewġt irġiel isofru ġrieħi gravi wara li ntlaqtu minn vann fil-Belt

Żewġt irġiel qed isofru minn ġrieħi gravi wara li ttajru minn vann li għal xi raġuni beda nieżel in-niżla ta’ Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta.

Fil-vann ma kienx hemm is-sewwieq hekk kif dan ipparkjah biex iwassal xi merkanzija lil tal-ħwienet. Mhux magħruf x’wassal biex il-vann beda nieżel in-niżla.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:20 ta’ dalgħodu.

Kien biss meta daħal fi scaffolding meta l-vann waqaf milli jkompli nieżel tul it-triq.

Fil-post marret ambulanza b’tim mediku li wara li taw l-ewwel għajnuna liż-żewġ vittmi, raġel ta’ 75 sena mill-Belt Valletta u raġel ieħor ta’ 78 sena mill-Furjana.

Iktar tard huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.