Lokali

Attivisti jkantaw “Il-pulizija u l-Qorti huma l-istupratur tagħna” quddiem l-għassa tal-Imsida

Il-Moviment Graffitti, it-Tlieta, għamel flash mob quddiem l-għassa tal-Imsida biex jipprotesta kontra l-ħelsien inġust u bla sens ta’ eks pulizija akkużat li stupra u ffastidja lil kollega mara f’diversi okkażjonijiet fl-2018.

L-attivisti interpretaw “L-istupratur huwa int”, biċċa prestazzjoni magħrufa li toriġina miċ-Ċilì, li tipprotesta kontra li jingħata t-tort lill-vittmi ta’ aggressjoni sesswali. Kif tgħid l-għajta, “It-tort mhuwiex tiegħi, mhux fejn kont, mhux l-ilbies tiegħi. L-istupratur huwa INT. Il-pulizija. L-imħallfin. L-istat.”

Fil-verdett tal-ġimgħa li għaddiet, l-imħallef semmgħet bla bżonn li l-mara kienet evitat li twieġeb mistoqsijiet dwar il-ħajja personali tagħha, u ddeċidiet li l-istqarrija tal-akkużat li stupra lill-kollega tiegħu ma setgħetx titqies bħala evidenza minħabba li l-kawtela ma kinitx amministrata skont il-liġi dak iż-żmien.

“Hija perverżjoni tal-ġustizzja li teħles lil xi ħadd li jkun ġie akkużat bi stupru billi tinnega l-istqarrija tiegħu fuq bażi teknika. Dan kollu filwaqt li tistenna li l-vittma turi imġieba u karattru perfett,” żied jgħid il-Moviment Graffitti.
L-imħallef semmiet wkoll li ma kien hemm l-ebda xhieda tal-istupru.

“Il-kliem kollu tal-imħallef deher li jimplika li l-mara li rrappurtat l-istupru u l-attakk kienet b’xi mod responsabbli għal dak li ġara lilha,” qal il-grupp.

“Din rajniha tiġri lin-nisa għal darba, tnejn, tlieta,” żied jgħid il-Moviment Graffitti. 

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ sensittività li rajna, aħna ntennu sejħiet għal proċeduri ġudizzjarji aktar mgħaġġla, taħriġ aktar b’saħħtu lill-ġudikatura, u kultura fis-sistema tal-Ġustizzja tagħna li regolarment tirrikorri għal esperti esterni tat-trawma tal-istupru li jistgħu juru empatija mal-vittmi, qal il-grupp.

Dan l-avveniment sar b’appoġġ ta’ Women’s Rights Foundation, MGRM u Young Progressive Beings.