Ambjent Lokali

FIX-XEMXIJA: Ikompli t-tqaċċit tas-siġar minkejja li għad hemm appell pendenti

F'dan il-proġett massiċċ se jkun hemm aktar minn 700 appartament

Ħafna residenti fiz-zona tax-Xemxija qed isejħulu “sfreġju”. Oħrajn jinsabu urtati bl-istorbju kontinwu li qed ikun hemm minħabba t-tħaffir. Il-maġġoranza ma jistgħux jemmnu kif fi ftit sigħat tqaċċtu s-siġar li kien hemm f’din l-akwata.

Il-kwistjoni kollha hija marbuta ma’ żvilupp li għaddej fix-Xemxija fejn jidher illi bdew jinbnew blokok ta’ 15-il sular b’aktar minn 700 appartament, minkejja li għad hemm appell li jinsab pendenti quddiem il-Qorti.

Meta r-residenti ilmentaw dwar dan kollu, qalulhom li sempliċiment “qed isiru testijiet fuq il-blat taz-zona”. Iżda fi kliem ir-residenti stess, diġa’ beda t-tħaffir għall-proġett.

“Fi ftit sigħat diġa’ għamlu ħerba”, qalilna persuna li jgħix fix-Xemxija. Filwaqt illi ieħor stqarr magħna li bix-xogħol wettqu sfreġju sħiħ.

Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell se tingħata fl-10 ta’ Mejju li ġej.