Lokali

Il-Gvern bi proposta eżaġerata u li tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela jrid li l-Pulizija tkun tista’ żżomm persuni arrestati għal ħamest ijiem u nofs (132 siegħa). Il-Partit Nazzjonalista jqis il-proposta tal-Gvern bħala waħda li tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għalhekk mhix aċċettabbli.

Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista ifakkar li ressaq proposta biex il-Pulizija jkollha d-dritt li żżomm taħt arrest għal aktar minn 48 siegħa u sa massimu ta’ 72 siegħa lil persuni li jkunu suspettati ta’ reati serji bħal f’każi ta’ omiċidju, korruzzjoni, traffikar ta’ drogi, ħasil ta’ flus u terroriżmu. L-estensjoni proposta mill-Partit Nazzjonalista hi dejjem u f’kull ċirkostanza bil-permess tal-Maġistrat tal-għassa u tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri vvutaw kontra dan l-Abbozz ta’ Liġi propost mill-Partit Nazzjonalista meta ftit tax-xhur ilu dan ġie diskuss mill-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħarsien sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kif iggarantiti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard qed juru kemm huma inkompetenti meta lanqas biss ikkunsidraw dak li qed jiġri f’pajjiżi oħrajn b’rabta ma’ liġijiet simili u minflok qed jipproponu liġi eżaġerata u li se toħloq diffikultajiet kbar fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri jiffurmaw parti minn Gvern li nstab ħati li wassal għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li għadu s’issa ma wettaq l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlu tliet Imħallfin f’Inkjesta Pubblika li tlestiet sentejn ilu.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ dispost li jikkopera u jiddiskuti mal-Gvern biex il-liġijiet ta’ pajjiżna jagħtu aktar għodda lill-Pulizija basta dan isir b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.