Lokali

“Il-kunċett ta’ Dominju Pubbliku m’għandux jiddgħajjef bi proċessi neqsin mit-trasparenza, mis-serjetà u minn governanza tajba” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li l-kunċett ta’ Dominju Pubbliku għandu jkun sostnut fil-prattika u mhux biss bil-paroli.
Il-Gvern hu obligat li, b’dan il-kunċett, jissalvagwardja siti ambjentali jew ta’ patrimonju sinifikanti minn żvilupp mhux sostenibli, minn kummerċjalizzazzjoni eċċessiva u minn qerda ambjentali.

Dan ħareġ minn stqarrija miktuba mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit, il-Kelliem għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali, Janice Chetcuti, u l-Kelliem għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Rebekah Borg f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar seba’ snin li ilha fis-seħħ il-Liġi, fl-24 sit li suppost kellhom ikunu ddikjarati bħala dominju pubbliku, il-Gvern mhux biss m’għamilx dan, imma ppermetta żvilupp li jmur il-kontra, b’kostruzzjoni u kummerċjalizzazzjoni.
Aktar minnhekk, il-Gvern naqas milli jippreżenta fil-Parlament listi kkompilati mill-Awtorità tal-Ippjanar ta’ siti innominati biex ikollhom l-istatus ta’ Dominji Pubbliku wara konsultazzjoni pubblika.

Minflok, il-Gvern qed jippreżenta lill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tliet siti biex ikun rivedut dan l-istatus.

Fil-każ taż-żewġ siti fil-Qawra, matul is-seduta li ġiet diskussa din il-materja, il-Kumitat ingħata assigurazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-aċċessibilità għall-kosta se tibqa’ bħalma hi llum u hemm fejn anke se titjieb.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaqbel li jinbidel l-istatus tal-partijiet li diġà huma żviluppati, ladarba mhux se jkun mittiefes fejn sal-lum mhuwiex. Biex jikkumpensa għal dan, il-Gvern għandu jikkommetti ruħu li jitħaffef il-proċess għal klassifikazzjoni ta’ siti oħra.

Mill-banda l-oħra, anke jekk jaqbel li x-Chalet u l-inħawi f’Tas-Sliema għandhom ikun rijabilitati sakemm dan ma jkunx ta’ inkonvenjent għar-residenti, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jaqbel li jinbidel l-istatus ta’ Dominju Pubbliku għax-Chalet mingħajr ippjanar ħolistiku għaz-zona. Dan hekk kif, ladarba jintilef dan l-istatus, anke minħabba l-policies vagi, laxki u suġġetti għall-interpretazzjoni li tħaddem l-Awtorità tal-Ippjanar, ma tkunx sorpriża li dan is-sit ikun spekulat għad-detriment tar-residenti, tal-għawwiema u ta’ dawk kollha li jużaw dan l-ispazju miftuħ.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jippreżenta pjanijiet ċari, ibbażati fuq id-Development Brief eżistenti, għall-konsultazzjoni mal-pubbliku ta’ xi żvilupp jista’ jsir u kif u fejn dan jista’ isir qabel ma jniżżel il-protezzjoni tas-sit tax-Chalet.

Hu biss bi proċess serju, trasparenti u li jirrifletti governanza tajba li l-Gvern jista’ jagħti lura dan is-sit lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fis-sbuħija li kien igawdi fl-imgħoddi.