Futbol Sport

Il-Malta FA tniedi l-Kampjonat Ewropew U-19

Il-Malta FA il-Ħamis ippreżentat il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA li se jsir hawn Malta bejn it-3 u 16 ta’ Lulju, fejn dan se jkun l-iktar avveniment importanti tal-futbol li se jkun organizzat f’Malta wara li fl-2014 kien organizzat il-kampjonat ewropew U-17.

Fi preżentazzjoni li saret ilbieraħ fis-Centenary Hall f’Ta’ Qalin ingħataw dettalji dwar din il-fażi finali fejn issa jonqos ftit iktar minn 100 jum mil-logħba inawgurali.

Minn barra t-tim nazzjonali Malti li kkwalifika awtomatikament bħala organizzatur, ikkwalifikaw ukoll il-Greċja, l-Italja, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Polonja, l-Portugall, u Spanja.

Il-polza ta’ kif se jinqasmu dawn it-tmien timijiet f’żewġ gruppi ta’ erbgħa se ssir nhar l-Erbgha 19 ta’ April fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta.

Tħabbru wkoll id-dati ta’ dawn il-logħbiet fejn Matchday 1 se tintlagħab fit- 3 u 4 ta’ Lulju, Matchday 2 fis-6 u 7 ta’ Lulju, u Matchday 3 fid-9 u 10 ta’ Lulju. Iż-żewġ semifinali se jintlagħbu fit-13 ta’ Lulju u l-finalissima tlett ijiemn wara fis-16 ta’ Lulju.

Minħabba li f’Lulju t-temperatura tkun waħda elevata f’Malta, il-logħbiet se jintlagħbu fis-6pm u fid-9.15pm.

Se jkunu użati erba’ stadiums, l-Istadium Nazzjonali, is-Centenary Stadium, it-Tony Bezzina Stadium u l-Gozo Stadium.

Kienu preżentati wkoll iż-żewġ ambaxxaturi ta’ dan it-turnament, Michael Mifsud, leġġenda tal-futbol Malti li lagħab 143 u skorja 42 gowl mat-tim nazzjonali, u Joseph Mbong plejer ta’ Ħamrun Spartans u tat-tim nazzjonali li s’issa lagħab 46 logħba mat-tim nazzjonali u kien ukoll parti mill-iskwadra Maltija tal-U-17 tas-sena 2014.

Fil-preżentazzjoni tal-bieraħ kien hemm diskorsi tal-President tal-MFA Bjorn Vassallo, tal-ministru Clifton Grima, u tas-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti.