Lokali

Il-Ministri skomdi jwieġbu dwar Rosianne Cutajar

Aktar minn ġimgħa wara li ġew żvelati eluf ta’ messaġġi bejn id-Deputat tal-Labour Rosianne Cutajar u n-negozjant akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech….Cutajar għadha membru attiv fi ħdan il-Grupp Parlamentari Laburista.

F’dawn iċ-chats sar magħruf fost diversi affarijiet oħra li Rosianne Cutajar kienet infurmat lil Yorgen Fenech li kienet se tagħmel bħal ħaddieħor…u tieħu job bħala konsulent fl-ITS għaliex kulħadd kien qiegħed jitħanżer.

Diversi persuni saħqu li wara stqarrija bħal din il-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela kien se jieħu xi forma ta’ deċiżjoni iebsa fil-konfront tagħha. Madanakollu Rosianne Cutajar…aktar minn ġimgħa wara…għadha tifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista.

L-Erbgħa waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija Byron Camilleri….kif ukoll lill-Ministru responsabbli mill-Qrati…Jonathan Attard għalfejn Cutajar għadha tifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista u jekk iħossuhomx komdi jassoċċjaw ruħhom magħha.

Iżda l-unika risposta li rċevejna kienet dik li jagħżlu li ma jweġbux…minkejja li huma eletti mill-poplu biex jagħmlu proprju dan. Bil-Ministru Byron Camilleri ifarfarha fuq il-Prim Ministru.

Madanakollu d-diskors tal-Prim Ministru ġie deskritt minn bosta bħala wieħed li ma kien ċar xejn affattu partikolarment f’intervista li saritlu mit-Times of Malta fejn ammetta li saħansitra għadu lanqas biss kellimha iżda saħaq li ħadd ma huwa akbar mill-Partit Laburista…madanakollu ftit tal-jiem qabel, ma’ Net News, Abela saħaq li Cutajar diġà ħalset il-prezz politiku; diskors deskritt bħala kunfliġġenti ħafna.

Minkejja dan kollu  għat-tieni darba fi ftit jiem il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja għażel li ma jitkellem xejn fuq is-suġġett minkejja d-domandi li qed isirulu. U minflok bi skumdità kbira…għażel li jaħrab ‘il ġewwa.