Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri mhux up to standard u l-Avukat Ġenerali għandha terfa’ r-responsabbiltà fil-każ tal-Vitals u Steward u twarrab mill-kariga – PN

Il-Ministru tal-Intern qed jiggarantixxi biss l-insigurtà meta jħalli lill-membri fil-Korp tal-Pulizija overworked u overstretched, imma żgur mhux overpayed. U min-naħa tagħha, l-Avukat Ġenerali għandha terfa’ r-responsabbiltà fil-każ tal-Vitals u Steward u twarrab mill-kariga.

Dawn kienu l-messaġġi ewlenin li ħarġu f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Joe Giglio u mill-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Joe Giglio qal li ma kellhiex għalfejn tinżam Inkjesta biex insiru nafu li l-Pulizija m’għandhomx biżżejjed riżorsi għax fil-verità, kulħadd kien jaf li din hi l-verità. Il-Korp tal-Pulizija ma jinsabx f’sitwazzjoni feliċi, tant li fl-aħħar ġimgħat, ma sar assolutament xejn b’rabta mal-każ serju ta’ Steward u Vitals.

Filwaqt li staqsa fejn jinsab il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, tenna li l-Ministru Byron Camilleri mhux up to standard għar-responsabbiltà li għandu.

Min-naħa tiegħu, Karol Aquilina fakkar kif aktar minn xahar ilu, il-Qorti ħassret il-kuntratti dwar it-tliet sptarijiet pubbliċi li ngħataw mill-Gvern lil Vitals u mbagħad lil Steward, bis-sentenza tindika b’mod mill-aktar ċar li l-Avukat Ġenerali kellha l-obbligu li tiżgura li jitwettaq dak li jkun ġie mwiegħed li jsir bi propjetà pubblika, f’dan il-każ it-tliet sptartijiet pubbliċi li ngħataw lil Vitals u Steward.

Il-Qorti qalet ukoll li l-Avukat Ġenerali kellha l-obbligu li tiftaħ il-kawża hi biex titlob it-tħassir tal-kuntratt favur Vitals u Steward, ladarba kien ċar li Vitals u Steward ma wettqux l-obbligi tagħhom.

Kompla li għall-ewwel darba għandna kundanna mill-Qrati ta’ pajjiżna fir-rigward tal-Avukat Ġenerali talli abdikat mir-responsabbiltajiet tagħha. Wara li għadda aktar minn xahar, l-Avukat Ġenerali għadha ma refgħetx ir-responsabbiltà tan-nuqqasijiet gravi tagħha f’dan il-każ.

Wara s-sentenza, il-Partit Nazzjonalista stenna li l-Avukat Ġenerali tieħu l-azzjoni meħtieġa biex pajjiżna jikseb lura l-€400 miljun li tħallsu illegalment u b’mod abbużiv lil Vitals u lil Steward. Stenna wkoll li l-Avukat Ġenerali, bħala l-Prosekutur Ġenerali ta’ pajjiżna, tibda proċeduri kriminali fil-konfront ta’ dawk kollha li kienu kompliċi f’dan l-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna. L-Avukat Ġenerali kellha tieħu azzjoni kontra Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona, Chris Fearne u Edward Scicluna flimkien ma’ numru ta’ persuni oħrajn li kienu nvoluti f’dan il-frodi.

Iżda minflok ma ddefendiet l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, l-Avukat Ġenerali għażlet li tissieħeb ma’ Vitals u ma’ Steward. Bil-mod kif ġabet ruħha matul il-kawża u wara li ngħatat is-sentenza, l-Avukat Ġenerali qed turi b’mod ċar li m’għandhiex il-fibra morali, l-integrità u l-kapaċità meħtieġa biex taqdi r-rwol ta’ Avukat Ġenerali.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed mill-ġdid u pubblikament isejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali. Aktar ma Victoria Buttigieg iddum fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali, aktar se ddum biex issir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi fil-każ tal-isptarijiet pubbliċi u l-frodi li wettqu Vitals u Steward bil-kompliċità tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat u Robert Abela.