Lokali

Il-Ministru tal-Finanzi ma jafx meta l-Gvern ħallas l-aħħar pagament lil ta’ Steward

Jindika li r-rata ta’ taxxa ta’ 5% għal kumpaniji barranin se tkun qed tiżdied

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana m’għandux idea meta sar jew għadu ħa jsir l-aħħar pagament lil Steward Healthcare.

Dan hekk kif f’kummenti li ta lil Net News meta mistoqsi meta sar l-aħħar pagament lil ta’ Steward minn naħa tal-Gvern, il-Ministru farfarha totalment fuq il-Ministeru tas-Saħħa filwaqt li sostna li dan huwa suġġett legali.

Net News staqsa lil Ministru kif fl-aħħar jiem fil-Parlament huwa saħaq li l-mod ta’ kif il-Gvern jonfoq irid ikun aktar għaqli u li ammetta li n-nies qed iħossu ż-żieda fin-nefqa tagħhom…

Iżda fl-istess waqt sar magħruf minn chats żvelati tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar…li kulħadd mill-membri tal-Gvern qed jitħanżer….bi Clyde Caruana jfaħħar ir-rappurtaġġ ta’ Net News u jibqa’ jinsisti bil-kummenti li ta ftit tal-jiem ilu.

Net News staqsa lill-Ministru Clyde Caruana jekk id-Deputat Laburista hux kredibbli għal dak li qalet wara li saħaq li dak id-diskors hija qiegħda tgħidu….bil-Ministru jinsisti li r-risposta tiegħu kienet ċara.

Intant matul konferenza li indirizza l-Erbgħa filgħodu huwa insista li l-Gvern qiegħed iħejji sabiex iżid it-taxxa għal 660 kumpanija f’Malta li jdawwru €750miljun fis-sena…bit-taxxa tiżdied minn 5% għal 15%. Filwaqt li t-taxxa domestika tonqos. Dan wara li qed ikollu pressjoni qawwija minn naħa tal-Unjoni Ewropea.

Dan filwaqt li mhux jeskludi li t-taxxa ta’ 5% għal kumpaniji barranin tiżdied anke sa massimu ta’ 10%.

Huwa sostna wkoll li matul is-snin tgħallem li kumpanija li jkollha telf sostanzjali eventwalment ikollha tgħalaq madanakollu huwa ċar li dawn it-tali kumpaniji mhux talli mhux jgħalqu iżda saħansitra qed jikbru….u jħaddmu aktar nies. Xi ħaġa li l-Ministru ta’ x’jifhem li ma jistax jibqa’ jsir.

Fl-aħħar jiem il-Ministru Clyde Caruana insista li l-Gvern irid joqgħod attent għan-nefqa li jagħmel u li teħtieġ bidla fil-kultura.

Madanakollu filwaqt li r-realtà finanzjarja ta’ pajjiżna spjegaha b’mod mill-aktar frank, Clyde Caruana għadu skomdu immens sabiex iwieġeb għal dak li ntqal mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar….u l-kwistjoni tal-frodi ta’ Vitals u Steward.