Lokali Parlament

Iż-żieda fil-perjodu tal-arrest m’għanhiex tikser id-drittijiet tal-bniedem

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li ż-żieda fil-perjodu tal-arrest minn 48 siegħa għal ħamest ijiem u nofs se tkun qed tikser id-drititjiet fundamentali u għalhekk hu importanti li dawn l-emendi ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem.

Karol Aquilina qal fil-parlament li l-Ministru tal-Ġustizzja hu pupazz u inkompetenti għax jippreżenta abbozzi ta’ liġijiet li jkun fihom it-taħwid kollu possibbli. Dan qed iseħħ f’ħafna abbozzi li jitressqu fil-parlament.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern għandu paniku u sitwazzjoni bla kontroll li fiha qed jinqabad fuq sieq waħda. Ftit xhur ilu l-Oppożizzjoni pproponiet abbozz ta’ liġi dwar ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kienu jinkludu emenda kostituzzjonali biex f’każi ta’ reati serji ħafna, l-arrest jiżded minn 48 siegħa għal 72 siegħa. Dawn ir-reati huma l-qtil, il-korruzzjoni, it-traffikar tad-droga, il-ħasil ta’ flus u t-terroriżmu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li kien tkellem mal-Ministru Attard fil-parlament stess u qallu li dan hu żball kbir u li dan l-abbozz se jwassal biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u tinkiser il-kostituzzjoni. Hu sostna li l-Ministru nnifsu qallu li l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati kienet diġà qaltlu li qed jgħaffiġha għaliex din mhix aċċettabbli.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Ministru tal-Ġustizzja qed jippretendi li jgħaddi bidliet għall-Kodiċi Kriminali li huma abbużivi. Dan hu żball kbir, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Oppożizzjoni taqbel li l-pulizija jkollha iktar għodda biex tinvestiga iżda mhux b’detriment għad-drittijiet fundamentali għaliex dan jherri s-sistema legali tal-pajjiż.

Ma jista’ qatt ikun aċċettat li l-Ministru tal-Ġustizzja jipprova jagħmel spin politiku biex l-Oppożizzjoni tivvota favur xi ħaġa li fi kliemu stess se ġġib problemi kbar.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qed jibqa’ ċass quddiem din il-problema, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-Oppożizzjoni lesta ssib kompromess iżda dan mhux b’detriment għad-drittijiet tal-bniedem.

Id-deputat Nazzjonalista qal li għandu jitfassal protokol kif ikunu diskussi ċertu liġijiet.