Lokali

Jirreżenja d-Direttur Eżekuttiv tal-BOV wara self lil Steward

Id-Direttur Eżekuttiv tal-BOV, Miguel Borg irreżenja mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan dan il-Bank wara li fl-aħħar jiem ħarġu dettalji li kien sar self lill-kumpanija ta’ Steward.

Dan ġie żvelat minn The Shift wara li Borg ħabbar ir-riżenja tiegħu lill-impjegati tal-BOV waqt laqgħa li saret il-bieraħ. Minkejja mistoqsijiet li ntbagħtu mill-istess portal, il-BOV għadu ma tax konferma ta’ dan.

Meta c-chairman tal-Bank ġie kkuntatjat, Gordon Cordina rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet li sarulu dwar dan.

Borg kien ilu fil-pożizzjoni tiegħu sa mill-2017. Ismu ssemma x-xahar li għadda meta l-Qorti qieset il-kuntratt ta’ Steward li sar mill-Gvern Laburista bħala null. Dan hekk kif taħt it-tmexxija tiegħu, BOV approvat mas-€36 miljun b’self lil Steward Health Care minkejja l-allegazzjonijiet li kien hemm dwar id-due diligence.