Sport Waterpolo

Kampjonat tax-Xitwa: San Ġiljan jirbħu b’gowl opportunist ta’ Jeremy Abela

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS……. 9

SLIEMA FRANK SALT……………. 8

(2-3), (2-1), (2-2), (3-2)

Pass importanti minn San Ġiljan JP Projects fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat. Rebħu l-konfront dirett kontra Sliema Frank Salt f’logħba missielta li fiha r-riżultat seta’ mar kull naħa. San Ġiljan kienu mingħajr il-captain Matthew Zammit.

L-ewwel sessjoni kienet preludju għall-kumplament tal-konfront, biż-żewġ timijiet bilanċjati u konċentrati. Liam Galea poġġa lil Sliema 3-2 minn fuq minn penalty fl-ewwel sessjoni u kien il-protagonist fit-tieni sessjoni.

San Ġiljan ġabu d-draw darbtejn minn man-up wara li kien tkeċċa temporanjament, b’Galea jkun l-istess plejer li skorja l-gowl momentarju tal-4-3 favur Sliema.

San Ġiljan marru 5-4 fil-vantaġġ b’gowl ta’ Nikolai Zammit iżda Galea minn penalty u gowl ta’ Jayden Cutajar dawru r-riżultat favur Sliema, b’Jeremy Abela jġib id-draw minn penalty.

Kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni. Liam Galea skorja żewġ gowls mill-isbaħ u poġġa lil Sliema 8-6 minn fuq. F’dan il-perjodu, Sliema dehru fil-kontroll, b’San Ġiljan ftit maħsuda. Kellhom bżonn iwettqu reazzjoni mingħajr il-kowċ Zeljko Kovacic li tkeċċa fit-tielet sessjoni. Ben Plumpton ta t-tama u saħansitra ġab id-draw, b’Jeremy Abela jiskorja l-gowl rebbieħa minuta u nofs mit-tmiem meta b’opportuniżmu skorja minn rebound.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (1), A. Galea, B. Plumpton (3), R. Caruana (1), G. Bonavia, J. Bonavia (1), J. Abela (2), N. Zammit (1), D. Zammit, N. Bonavia, G. Borg, S. Cutajar, K. Calleja

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (5), D. Rizzo, S. Engerer, B. Cachia (1), J. Cutajar (1), M. Mifsud (1), E. Schembri, Z. Mizzi, D. Zammit, A. Bugeja, J. Sciberras

Referees: Massimo Angileri, Alex de Raffaele

NEPTUNES VIDEOSLOTS……. 9

VALLETTA IZIBET…………… 5

(2-1), (2-2), (2-1), (3-1)

Neptunes Videoslots tħabtu forsi ftit aktar milli mistenni biex għelbu lil Valletta Izibet. Mertu wkoll għal Valletta li offrew sfida denja, b’Neptunes jonqsu li juru s-superjorità għal ħafna ħin.

Kieyan Borg poġġa lil Valletta minn fuq sakemm Sam Gialanze u Jordan Camilleri dawru r-riżultat sa tmiem l-ewwel sessjoni. Neptunes kabbru l-vantaġġ għal 4-1 iżda Valletta naqqsu d-distakk u saħansitra ġabu d-draw fil-bidu tat-tielet sessjoni permezz ta’ Borg.

Valletta saħansitra fallew penalty, b’Neptunes irnexxielhom jiskorjaw darbtejn fl-aħħar minuta tas-sessjoni u bdew l-aħħar waħda 6-4. Sa nofs l-aħħar sessjoni, id-distakk kien għadu ta’ żewġ gowls, bil-captain Jordan Camilleri jissiġilla r-rebħa b’doppjetta lejn it-tmiem.

Neptunes: A. Borg Cole, D. Bugeja, S. Gialanze (3), G. Pace, L. Mallia (1), M. Zammit (1), M. Castillo, J. Camilleri (4), R. Galea, J. Bajada, A. Fenech, E. Mallia, M. Farrugia, A. Fava

Valletta: B. Busuttil, J. Spiteri Staines, J. Cassar (2), S. Busuttil, K. Borg (2), D. Paolella, J. Chircop, S. Micallef, A. Agius, M. Demarco (1), K. Cremona, A. Theuma

Referees: Peter Balzan, Neville Mercieca

OTTERS NIVEA……………. 12

BARRACUDAS…………..….. 4

(4-2), (2-1), (5-0), (1-1)

L-ewwel rebħa għal Otters Nivea fl-Ewwel Diviżjoni. Huma dejjem kellhom il-vantaġġ fil-logħba u tefgħu lill-avversarji f’sitwazzjoni li jiġru wara r-riżultat il-ħin kollu. L-iktar li Barracudas resqu qrib l-avversarji kien fil-bidu tat-tieni sessjoni.

Żewġ penalties skorjati mill-veterani Andrea Bianchi u Mark Meli għamlu l-iskor 6-3 u minn hemm bdiet il-mixja ta’ Otters lejn ir-rebħa. It-tim ta’ Anthony Farrugia aċċerta mit-tliet punti fit-tielet sessjoni b’ħames gowls mingħajr risposta skorjati minn ħames plejers differenti. Fl-aħħar sessjoni huma kkontrollaw mingħajr diffikultà.

Otters: M. Xerri, D. Dimech, K. Scicluna (2), K. Micallef, M. Meli (2), A. Bianchi (2), I. Azzopardi(2), S. Dimech (1), L. Dimech (1), K. Saliba, M. Farrugia (1), A. Dimech (1), G. Gatt Ellis

Barracudas: C. Bugeja, L. Paris Roding, A. Magri, A. Grima Scott, D. Ciantar (2), R. Sciortino (1), J. Bugeja, C. Attard, S. Debono Grech, S. Apap, A. Mifsud (1), T.J. Mifsud, L. Abela, K. Cauchi, J. Erdogan

Referees: Ronnie Spiteri, Stefan Licari