Lokali Qorti

Każ fuq casino illegali jaqa’ minħabba żball fl-indirizz

Raġel akkużat li 12-il sena ilu kien qdd jopera casinò bla liċenzja minn garaxx fil-Marsa ħelisha fuq żball tekniku mill-prosekuzzjoni, li indikat l-indirizz ħażin fl-akkużi. Raymond Schembri, li llum għandu 60 sena, kien fil-mira ta’ rejd mill-pulizija li daħlu fil-garaxx tiegħu bla numru fil-Marsa wara nofsinhar f’Ottubru tal-2011.

Wara dak ir-rejd, Schembri ġie mixli li opera casinò mingħajr liċenzja, li ppermetta li l-fond jintuża għal imħatri illegali mingħajr il-permess meħtieġ mill-awtorità relattiva. Huwa wieġeb mhux ħati għall-ammont ta’ akkużi li kien mixli bihom.

Meta l-każ wasal fl-istadju tas-sentenza, il-qorti rrimarkat żball fl-akkużi li l-prosekuzzjoni kienet naqset milli tikkoreġi. Filwaqt li l-akkużi kienu jgħidu li l-allegati attivitajiet illegali saru fi triq ġdida fi Triq it-Tigrija, ix-xhieda tal-prosekuzzjoni kollha rreferew għal garaxx bla numru fi triq ġdida fi Triq is-Serkin.

Ix-xhieda kollha ddeskrivew ir-rejd, li sar għall-ħabta tat-3.30pm tal-24 ta’ Ottubru, 2011, fil-garaxx ta’ Triq is-Serkin. Filwaqt li ċċitata ġurisprudenza dwar żball simili, iżda fir-rigward taż-żmien tal-allegazzjonijiet aktar milli tal-post, il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, iddikjarat li l-prinċipju kien wieħed u l-istess.

F’dan il-każ, il-prosekuzzjoni qatt ma kkoreġiet l-iżball fl-indirizz. Lanqas ma pproduċiet provi biex tispjega għaliex l-akkużi rreferew għal dak l-indirizz meta xhieda xehdu li l-attivitajiet seħħew x’imkien ieħor. Barra minn hekk, tnejn mill-akkużi kienu ta’ natura kontravenzjonali u għalhekk preskritti meta jgħaddu tliet xhur. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti ddikjarat liberazzjoni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu avukati difensuri.