L-aggressur fi skola f’Nashville, Tennessee, li qatlet sitt persuni… kienet taħbi s-seba’ armi li kellha fil-pussess tagħha fid-dar tal-ġenituri tagħha.
Dan ġie konfermat mill-Pulizija tal-lokal wara li investigaturi tkellmu mal-ġenituri tal-aggressur – żagħżugħa ta’ 28 sena, Audrey Hale, li tiddentifika ruħha bħala persuna transgender u eks-studenta fl-istess skola li wettqet l-attakk.
Mumenti qabel l-attakk, l-aggressur bagħtet messaġġ lil studenta li kienet magħha fl-istess skola fejn qaltilha li dakinhar kienet se taraha fuq l-aħbarijiet u li kien se jiġri xi ħaġa traġiku.
L-aggressur bdiet tispara fuq il-Pulizija minn tieqa fit-tieni sular tal-iskola l-mument li dawn wasslu fil-post. Iż-żagħżugħa ġiet maqtula mill-Pulizija fl-iskola stess f’inqas minn kwarta mindu beda l-attakk. Il-Pulizija qalet kif l-aggressur kienet taħt il-kora tat-tobba minħabba kundizzjoni mentali li kellha.
Il-ġenituri taż-żagħżugħa kienu jemmnu li hi kellha biss arma waħda u li din kienet biegħħitha hekk kif dawn dejjem kienu kontra li tkun fil-pussess ta’ xi arma. L-armi kollha nxtraw b’mod legali.
Jidher li l-attakk kien ilu pjanat tant li l-aggressur kienet studjat sew iz-zona, u penġiet mappep tal-iskola… attakk li ddiskrivietu bħala manifest. Iż-żagħżugħa daħlet tispara fl-iskola armata bi tliet armi, b’waħda minnhom tkun semi-automatic rifle.
Fl-attakk mietu sitt persuni, tlett itfal ta’ 9 snin u tliet ħaddiema, tnejn minnhom li kellu 61 sena u persuna oħra kellha 60 sena.
Dan l-attakk kien il-131 attakk tal-massa fl-Amerika mill-bidu tas-sena s’issa.

Fir-ritratt jidhru is-sitt vittmi tal-attakk fl-iskola f’Nashville
//= $special ?>