Lokali Sport

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isports Akwatiku u l-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport jiffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isports Akwatiku (ASA) u l-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport (MCS) iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni fejn qablu li jikkollaboraw f’diversi oqsma fosthom fl-ikkowċjar, l-iżvilupp tal-isport, ir-riċerka sportiva, ixxjenza sportiva kif ukoll fi programmi ta’ ġemelaġġ.

L-ASA u l-MCS qablu wkoll li l-kowċis tat-timijiet Nazzjonali Milan Cirovic (Water Polo), Delon Dannhauser (Għawm) u Michelle Hubner (Għawm Artistiku) se jmexxu wkoll il-kowċing fl-MCS fid-dixxiplini rispettivi sportivi tagħhom. L-iskola se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha f’Settembru tas-sena d-dieħla.

Il-ftehim iffirmat se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni li diġa’ teżisti bejn l-Assoċjazzjoni u l-Kulleġġ. Il- President tal-ASA Karl Izzo spjega li dan il-ftehim se jwitti t-triq għal aktar proġetti, inizjattivi u programmi flimkien, biex jassiguraw l-implimentazzjoni tanġibbli tal-ftehim li ffirmaw.

Pio Vassallo Chairman tal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport spjega li, l-missjoni tal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport hi li jkompli jsaħħaħ il-logħba tal-Water Polo, l-Għawm u l-Għawm Artisiku u tal-atleti involuti f’kull livell filwaqt li jgħin
tinħoloq bidla soċjali pożittiva favur il-kultura sportiva f’pajjiżna. Huwa għaldaqstant ta importanza kruċjali li l-ASA u l-MCS jaħdmu flimkien biex joffru opportunjiet lil ħafna ta’ tfal li jużaw l-isport bħala għodda edukattiva. Hu żied jgħid “Aħna nilqgħu b’ferħ dan il-ftehim filwaqt li nittamaw li dan inkun pass importanti għal bidla meħtieġa fil-kultura sportiva tal-pajjiż”.

Il-ftehim kien iffirmat minn Karl Izzo u Rita Azzopardi, President u Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isports Akwatiku u Pio Vassallo u Charlo Bonnici, Chairman u Kap Eżekuttiv rispettivament tal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport.