“Nagħmlu ħafna regolamenti imma l-infurzar ma jsirx.”
Hekk stqarr il-President tal-MHRA, Tony Zahra waqt intervista li kellu ma’ Lea Hogg fil-programm ‘Magħkom’ fejn iddiskutew il-każ tal-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia.
Tony Zahra insista illi hemm bżonn li ssir iinkjesta pubblika dwar dan il-każ, biex nassiguraw li kollox isir b’mod trasparenti u fil-miftuħ.
“Dan huwa każ li vera għandha ssir inkjesta pubblika biex naraw li traġedja bħal din ma terġax issir,” qal Zahra.
L-appell għal inkjesta pubblika sar minn omm Jean Paul Sofia, u kellu l-appoġġ anke tal-Partit Nazzjonalista. Iżda l-Prim Ministru qed jibqa’ jirreżisti milli ssir din l-inkjesta li tkun separata mill-proceduri tal-Maġistrat inkwerenti.
Fl-intervista, Tony Zahra tenna li jixtieq jara aktar riżultati mis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.
“Il-ġustizzja qiegħda ssir imma mhux qed naraw ir-riżultat tagħha,” qal Zahra.
F’din l-intervista, Tony Zahra fakkar kif il-qtil ta’ Miriam Pace huwa każ simili ta’ Jean Paul Sofia hekk kif l-awtoritajiet naqqsu milli jipproteġu lil dawn iż-żewġ vittmi kawża ta’ nuqqasijiet.