Lokali Qorti

Nassab mhux ħati li wettaq attività kontra l-liġi

Nassab ta’ 35 sena, residenti Santa Venera, kellu s-sentenza tiegħu mibdula u ġie lliberat mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li wettaq attività ta’ nsib kontra l-liġi u li ma żarmax il-mansab wara li kien għalaq l-istaġun.

L-Ewwel Qorti d-difiża kienet qalet li Luke Azzopardi kien żarma kollox u reġa’ rama parti mill-mansab wara xahar li għalaq l-istaġun sabiex ikun jista’ jirranġa l-istess mansab u mhux biex jonsob. Madankollu l-Qorti ma kinitx laqgħet dan l-argument u weħħlitu 600 ewro u sentejn sospenzjoni tal-liċenzja.

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet l-argumenti tad-difiża li saru mal-Ewwel Qorti u li jekk Azzopardi kellu jitressaq il-Qorti, kellu jinġieb taħt liġijiet differenti minn dawk li kien akkużat bihom, u lliberatu.

Huwa kien qed jiġi mixli li fl-10 ta’ Frar tas-sena l-oħra, fil-limiti tal-Wardija, ma ssodisfax il-kundizzjonjijiet kollha speċifikati fil-liċenzja speċjali biex jipparteċipa fl-insib limitat tal-Malvizz u l-Pluviera fil-Ħarifa tal-2021 maħruġa mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi.

Kien qed jiġi akkużat ukoll li bħala persuna liċensjata u awtoriżżata sabiex jonsob gaħħl-insib limitat tal-Malvizz u l-Pluviera, naqas li kif jagħlaq l-istaġun tal-insib, il-mansab, inkluż ix-xbieki, lasti molol, eċċ, jiġi żarmat u jitneħħa minn fuq il-post b’mod immedjat.

Ħareġ li mix-xhieda ta’ Azzopardi, li ma kinitx kontestata mill-prosekuzzjoni, ma’ l-egħluq tal-istaġun, kien żarma kollox, imma xahar wara reġa’ rama xi affarijiet u jirranġa l-post sforz il-ħsara li kienet saret. Minn dak li xehed l-imputat jaqbel ma’ dak li qalet il-Pulizija fejn fuq il-post ma sabu l-ebda xibka armata.

Għaldaqstant ma jistax ikollok sitwazzjoini legali fejn xahar wara li liċenzja ġiet invalidata, il-kundizzjonijiet tagħha jkunu għadhom fis-seħħ. Il-Pulizija qalu li fid-9.30am. tal-10 ta’ Frar tas-sena l-oħra kienu marru fuq il-mansab fil-limiti tal-Wardija fuq rapport li kien hemm attività ta’ insib għaddejja meta l-istaġun kien magħluq.

Iżda mill-istess affidavits irriżulta li fuq il-pos indikat ma nstabet l-ebda attività ta’ nsib għaddejja u saħansistra qalu li fuq il-post ma nstabet l-ebda xibka armata li tista’ tittieħed bħala indikazzjoni li tkun  għaddejja xi attività ta’ nsib. Il-Qorti tal-Appell qalet li mhemxx dubju li l-istaġun tal-insib tal-Ħarifa kien wieħed magħluq. Għaldaqstant Azzopardi għandu raġun isostni li l-ewwel akkuża li hu ma ssodisfax it-termini tal-liċenzja speċjali ma treġix, u dan għaliex kienet ilha eżatt xahar minn meta ġiet invalidata.

Għaldaqstant hu ma setax jiġi akkużat b’dan minħabba t-trapass taż-żmien li kien għadda minn meta għalaq l-istaġun għall-insib tal-Ħarifa u għaldaqstant ġie lliberat. Għal Azzopardi deher l-Avukat Edmond Cuschieri bil-Prosekuzzjoni titmexxa mill-Ispettur Elliott Magro.