Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ karozza

Investigazzjonijiet mill-Pulizija wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 37 sena residenti l-Mosta, b’rabta ma’ ħruq ta’ vettura.

Il-każ seħħ fl-20 ta’ Marzu, meta għal xi l-4.30am, il-Pulizija flimkien mal-membri tas-CPD intalbu jassistu fi Triq Ġuże’ Duca, Ħal Qormi peress li kien hemm vettura qed taqbad u minħabba f’hekk kienet qed issir ħsara fuq vetturi oħra.

Wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret inkjesta. Mill-istħarriġ li sar u wara li ġew analizzati diversi filmati minn kameras tas-sigurtà, irriżulta li l-karozza, BMW, ingħatat in-nar.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti l-Erbgħa, għall-ħabta tan-12.30pm, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella.