Lokali Qorti

Raġel mixli li ta n-nar BMW f’Ħal Qormi jinżamm arrestat

Raġel ta’ 37 sena residenti l-Mosta li qal fil-Qorti li ma jaħdimx ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella b’rabta ma’ ħruq ta’ karozza BMW f’Ħal Qormi fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Marzu li għadda. Ma saritx talba għall-pleġġ mid-difiża biex Jonathan Zammit, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih inżamm arrestat.

Zammit ġie mixli li għall-ħabta tal-4.20am ta n-nar lill-karozza li kienet ipparkjata fi Triq Ġuże’ Duca, liema ħsara taqbeż l-2,500 ewro. Il-prosekuzzjoni qalet li li l-Pulizija flimkien mal-membri tas-CPD intalbu jassistu f’Ħal Qormi peress li kien hemm vettura qed taqbad u minħabba f’hekk kienet qed issir ħsara fuq vetturi oħra.

Investigazzjoni saret mill-Arson’s Unit u wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet fejn kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret inkjesta. Mill-istħarriġ li sar u wara li ġew analizzati diversi filmati minn cameras tas-sigurtà, rriżulta li l-karozza, BMW, kienet ingħatat in-nar. Ingħad li min ħaraq il-karozza uża torċ li jintlibes fuq ir-ras.

Wara saret tfittxija għal persuna li nstab f’xi stallel ġewwa l-Marsa. Hemm instab papoċċ, ġakketta, torċ li kien liebes waqt ir-reat u anke petrol li bih tqabbdet il-karozza. Il-prosekuzzjoni qalet li Zammit ċaħad li kien hu li qabbad il-karozza. Hu ġie  mixli wkoll li għamel ħsara fuq il-karozza BMW u fuq karozza Vauxhall

Il-Qorti laqgħet talba għall-protezzjoni fil-konfront tal-akkużat għas-salvgwardja tal-allegati vittmi għall-perjodu ta’ tliet snin jew sakemm jinqata’ l-każ. Ġie ordnat lilu mill-Qorti li ma jersaqx jew ikellem lill-vittmi, bl-ebda mod. Hu ġie mixli li għamel ħsara fuq karozzi li kienu fit-triq u li kiser il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti.

Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Mario Sciberras u James Mallia filwaqt li flimkien magħhom il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Daniel Tabone u Joseph Camilleri Azarov. Għal Jonathan Zammit deher l-Avukat Allesandro Lia.