Lokali Qorti

Sidien jitolbu l-iżgumbrament immedjat tal-każin Laburista tal-Belt u li jingħataw kumpens

Is-sidien tal-każin Laburista tal-Belt Valletta jridu l-propjetà tagħhom u lura u jingħataw kumpens wara li mingħajr kunsens tagħhom dan il-post ġie trasformat u żnaturat totalment. Huma qiegħdin jgħidu li mhumiex obbligati jġeddu l-kirja tal-każin u għandhom dritt li jingħataw il-pusses sħiħ tal-propjetà u li mill-aktar fis possibbli dawk li qed igawdu il-fond jiġu żgumbrati.

F’rikors li ppreżentaw fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, kontra l-Partit Laburista, l-Kumitat taċ-Ċentru Laburista u l-Avukat tal-Istat, s-sidien tal-post li jinsab fi Triq ir-Repubblika qegħdin jgħidu li huma għandhom dritt għat-tgawdija tal-binja, li ilha tinkera u tintuża bħala każin għal dawn l-aħħar 70 sena.

Il-kirja li qed titħallas hija ta’ 604.12 ewro fis-sena bis-sidien qegħdin jisħqu li t-traformazzjoni tal-każin (li parti minnu nbidel f’ristorant) sar mingħajr il-kunsens tagħhom fejn il-PL qiegħed ukoll jiddepożita l-Qorti permezz ta’ ċedoli ta’’ 5% mid-dħul annwali tal-każin mill-attività kummerċjali.

Is-sidien qed jikkontendu wkoll li ż-żieda fil-kera tul iż-żmien u dħul ieħor li huma intitolati għalih huma miżeri għall-aħħar meta paragunat mal-valur tiegħu fis-suq u l-potenzjal tiegħu llum, u għalhekk ma hemm l-ebda bejn l-interess ġenerali u l-interess tagħhom, anzi b’dak li qed jiġri qegħdin ikomplu jiġu kalpestati d-drittijiet fundamnetali tas-sidien.

Ir-rikors jgħid ukoll li s-sidien m’għandhomx rimedju effettiv skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea u qed isir diskriminazzjoni bejn il-kirjiet antiki – dawk li nkrew qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, u dawk wara din id-data, jiġifrieri aktar riċenti, peress li fil-każ tagħhom ma jistgħux jżidu l-kera b’mod ekwu u ġust skont il-valur tas-suq.

Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi s-sidien tal-każin Laburista, qed jikkontendu li għandhom jirċievu danni pekunarji kif ukoll danni morali bl-interessi b’kollox. Huma qegħdin jitolbu wkoll l-iżgumbrament mill-fond kawża tal-leżjoni li qed isofru u ilhom isofru għal għexieren ta’ snin, u dan minħabba leġislazzjoni nġusta u mhux ekwa u li ma tikkrejax bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini u dawk tas-sidien.

Għaldaqstant is-sidien qed jitolbu lill-Qorti biex tiddikjara li dan kollu jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom u li tagħti dawk id-direttivi li tqis xiera sabiex twettaq jew tiżgura t-twettiq tad-drittijiet fundamentali tagħhom skont il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Funadamentali. Is-sidien qed jitolbu biex jingħataw il-pusses sħiħ tal-każin u li jingħataw kumpens minħabba d-danni li sofrew tul iż-żmien. Ir-rikors ġie ppreżentat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.