Sport Sport Ieħor

Sparar bil-Qaws: Riżultati pożittivi mill-Maltin fil-Malta Spring International Tournament

Il-51 edizzjoni tal-Archery Association of Malta Spring International Tournament, li saret fl-Outdoor Range tal-Kumpless Sportiv fil-Marsa bejn il-25 u s-26 ta’ Marzu, rat archers lokali jikkompetu kontra oħrajn mill-Italja, Ċipru, l-Irlanda, u l-Filippini.

Il-kompetizzjoni, li saret f’riħ qawwi mill-Majjistral, inkludiet round tal-FITA nhar is-Sibt, jiġifieri round ta’ 144 vleġġa, sparati f’erba’ distanzi differenti fl-istess jum. Il-Ħadd ġew sparati total ta’ 72 vleġġa sparati f’50m għat-tiraturi tal-Compound jew 70m għall-archers recurve Olimpiċi. Il-kompetizzjoni kienet immirata biex tesponi lill-archers u żgħażagħ lokali ma’ kompetituri ta’ livell internazzjonali biex ittejjeb il-livell lokali.

Fil-kategorija Olympic Recurve Men’s, l-archers lokali Kevin Bonnici, George Abela u Luke Aquilina spiċċaw fit-tieni, it-tielet u r-raba’ post rispettivament wara l-archer Ċiprijott Christos El Helali. Kevin Bonnici rebaħ ukoll il-Kampjonati Nazzjonali Indoor fid-29 ta’ Jannar aktar kmieni din is-sena.

Fil-kategorija Women’s Olympic Recurve, iċ-Champion Nazzjonali Indoor tal-2023 Michelle Abela ġiet fit-tieni post wara l-archer Ċiprijotta Christina Hadjierotokritou, fejn wara li kienet daqsha fl-iskor wara l-ewwel 144 vleġġa, Hadjierotokritou ħadet vantaġġ żgħir l-għada. Abela għandha diversi rekords Nazzjonali u kellha bosta riżultati pożittivi f’kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali.

Il-kategorija Recurve Men’s 50+ intrebħet mill-archer Irlandiż Derek McHenry filwaqt li r-Recurve Men’s Team, magħmul minn Luke Aquilina, Kevin Bonnici u George Abela rebaħ l-ewwel post fl-avveniment tat-Team.

Il-Kategorija Women’s Compound 50+ rat lill-archers ​​lokali Maria Formosa tikklasifika fit-tielet post wara Loredana Battista u Concetta Gelfusa li kisbu t-tieni u l-ewwel post rispettivament. L-archers klassifikati fl-ewwel u t-tieni post jiffurmaw parti mill-klabb S.S.Lazio Archery ibbażat fl-Italja, fejn f’Ġunju li għadda t-tim Nazzjonali Malti tal-Irġiel Compound rebaħ l-ewwel post u l-istess għamlet Michelle Abela fil-kategorija Individwali.

Il-kategorija Women’s senior intrebħet mill-Archer Ċiprijotta Styliani Kokkinou, li kienet ukoll id-disa’ archer klassifikata fil-Logħob Ewropew tal-2019. L-atleta Maltija Vanya Gelfo wettqet sfida eċċellenti kontra ċ-Ċiprijotta, fejn spiċċat biss madwar 30 punt inqas wara kompetizzjoni ta’ jumejn.

Brian Micallef rebaħ l-ewwel post fil-kategorija 50+ Men’s Compound. Micallef huwa wkoll iċ-champion renjanti tal-Indoor Compound Master u kien parti mit-tim li rebaħ id-deheb fl-avveniment tat-timijiet tal-Irġiel fl-Italja, flimkien ma’ Karl Cutajar u Daniel Schembri.

Il-kompetizzjoni Senior Men’s compound rat lill-archers lokali jikkompetu kemm kontra atleti Ċiprijotti kif ukoll dawk Taljani.

Jeremy Bartolo ġie fl-ewwel post, segwit miċ-Ċiprijott Spyros Gerolemou b’marġni ta’ tliet punti biss. Spyros ikklassifika fis-17-il post fil-Grand Prix Ewropew tal-2022 fi Plovdiv u wera li kien kompetitur ta’ esperjenza kbira. L-archer Taljan, Valerio di Lazzaro, li hu ukoll parti min SS Lazio Archery, spiċċa fit-tielet post.

Daniel Schembri, Karl Cutajar u Jeremy Bartolo rebħu l-ewwel post fil-Men’s Compound Team Event.

It-tournament kien organizzat taħt il-gwida tal-President tal-Assoċjazzjoni John Schembri li aġixxa bħala Judge u Director of Shooting, filwaqt li James Baldacchino u Maria Schembri ħadu ħsieb il-verifika tar-riżultati kif ukoll is-sistema tar-ranking.

L-Archery Association of Malta f’dawn l-aħħar snin kabbret ir-relazzjonijiet kemm mas-Cyprus Archery Federation kif ukoll ma’ S.S. Lazio Archery u qed tippjana li terġa tibgħat lit-Tim Nazzjonali jikkompeti f’dawn il-pajjiżi aktar ‘il quddiem dan l-istaġun.