It-tiratur Malti Clive Farrugia rnexxielu jikkwalifika għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja ISSF f’Larnaca, Ċipru.
Din kienet ġurnata speċjali għal Malta hekk kif din kienet l-ewwel darba li atleta Malti wasal s’hawn f’avveniment Skeet.
Farrugia kwalifika wara li laqat 121/125 plattina u 9 shoot-off.
L-atleta Malti spiċċa fit-tmien post minn 119-il tiratur.
Dan ir-riżultat saħħaħ il-pożizzjoni ta’ Clive fil-klassifika ta’ kwalifika għal-Logħob Olimpiku, Pariġi 2024.
L-aħwa Marlon u Marcello Attard it-tnejn temmew il-kompetizzjoni tagħhom bl-iskor ta’ 113/125, filwaqt li Liam Sciberras u l-atleta Junior Matthias Azzopardi li t-tnejn kienu qed jikkompetu għar-Ranking Points Only (RPO) irnexxielhom l-iskor ta’ 109/125 u 107/125 rispettivament.
Il-midalja tad-deheb intrebħet minn Erik Pittini tal-Italja, Eetu Kallioinen tal-Fillandja kiseb il-fidda, filwaqt li l-Ġermaniż Sven Korte ħa l-midalja tal-bronż.
L-ISSF World Cup Shotgun f’Larnaka ġiet iddikjarata uffiċjalment miftuħa fis-26 ta’ Marzu b’total ta’ 377 atleta minn 60 nazzjon jipparteċipaw f’dixxiplini differenti.
It-Trap Team ta’ Malta, li jinkludi żewġ nisa u ħamest irġiel illum qed jivvjaġġaw lejn Larnaka u se jkunu qed jikkompetu nhar il-Ġimgħa u s-Sibt.
//= $special ?>