Internazzjonali

Il-Brażil: Ritorn mingħajr inċidenti għall-eks President Bolsonaro

L-eks President estremista tal-Brażil, Jair Bolsonaro, irritorna pajjiżu wara perjodu ta’ eżilju li kien impona fuqu nnifsu wara li tilef l-aħħar elezzjoni kontra l-President Brażiljan attwali, Luiz Inacio Lula da Silva.

Intant, Bolsonaro – qabel qabad l-ajruplan minn Florida lejn pajjiżu – qal ċar u tond li mgħandux imexxi l-Oppożizzjoni fil-Brażil. Fil-fatt, ir-ritorn tiegħu fil-kapitali Brażiljana kien pjuttost nieqes mill-eċċitament żejjed minkejja l-preżenza tal-gruppi tas-sostenituri tal-eks President.

Jair Bolsonaro –politiku radikali tal-lemin imlaqqam ‘id-Donald Trump tal-Brażil —    mistenni jiffaċċja inkjesta relatata mal-assedju mis-sostenituri tiegħu fuq il-Kungress fi Brażilja li kien seħħ fit-8 ta’ Jannar li għadda. Dan meta l-investigazzjoni għandha tiddeċiedi jekk Bolsonaro ‘inċitax’ lis-sostenituri biex iqajjmu l-irvellijiet fil-kapitali bħala ‘tweġiba’ għad-disfatta elettorali.

L-eks President Brażiljan kien telaq lejn l-Istati Uniti biex ma jattendix iċ-ċerimonja għall-konferma ta’ Lula da Silva bħala President ġdid. Da Silva, fit-30 ta’ Diċembru, kiseb rebħa minima fuq Bolsonaro waqt il-fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza – u għal riżulat li Bolsonaro għad irid jirrikonoxxi.