Lokali

Il-PN bi proposti ċari dwar l-għoli tal-ħajja

Min mejjet għall-qatra u min mejjet fis-sakra.

Hekk sostnew id-Deputati Nazzjonalista Jerome Carauana Cilia u Albert Buttigieg f’konferenza tal-aħbarjiet dwar il-faqar u l-għoli tal-ħajja, u kif in-nuqqasijiet tal-Gvern qed iħallu piż fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

B’kuntrast, il-PN għandu diversi proposti cari illi kapaci jgħinu b’mod dirett lill-familji. U qed ikun pro-attiv fuq din it-tema li tolqot lil eluf ta’ familji u ħaddiema.

Jerome Caruana Cilia stqarr illi l-Gvern għandu jwaqqaf il-ħela u tberbieq lil tal-qalba, għaliex pajjiżna, kif inhu sejjer preżentament, jaf jispiċċa b’dejn li jaqbeż l-10 biljun ewro.

Albert Buttigieg minn naħa tiegħu tenna li kontinwament qed naraw sfida wara l-oħra, bil-piżijiet tal-għoli tal-ħajja kontinwament qed iħallu impatt fuq ħajjet il-familji Maltin u l-Għawdxin.

Ċifri tal-NSO juru kif l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna qed ikompli jiżdied b’rata mgħaġġla tant li fi żmien xahar biss ġiet innotata żieda ta’ 0.2%. Fil-fatt, ir-rata annwali ta’ inflazzjoni f’Jannar kienet dik ta’ 6.8% filwaqt li daqs xahar wara, din żdiedet għal 7%.

L-ikbar żieda bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena dehret l-iktar fi prodotti tal-ikel u ta’ xorb li mhux alkoħol, b’żieda ta’ 13.2%. Warajhom fil-lista hemm spejjeż relatati mad-djar, il-prezz tal-gass u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

U s-soluzzjoni tal-Gvern quddiem dan kollu – dejjem skont il-Ministru Clyde Caruana – hi l-issikkar taċ-ċintorin.