Lokali

Il-pubbliku qed ikun mitlub jagħmel iktar ‘sagrifiċċju’

Fil-jiem li ġejjin, dawk kollha li se jmorru bil-karozza lejn l-inħawi ta’ Ħal Luqa, iż-Żurrieq u Ħal Kirkop, se jsibu ma’ wiċċhom bidla fit-toroq ta’ min fejn jgħaddi t-traffiku… u allura aktar stennija fit-traffiku. Dan hekk kif mill-Ħamis 6 ta’ April se jkun hemm devjazzjonijet ġodda tat-traffiku minħabba l-proġett tal-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon, intqal li dan it-tibdil fit-toroq se jħalli impatt kbir fuq it-traffiku… bis-sewwieq qed ikunu mħeġġa biex jevitaw l-akwati jew inkella jaħsbu aktar kmieni. 

Dan il-proġett kellu baraxx ta’ kritika mill-pubbliku inġenerali minħabba n-nuqqas ta’ pjanar li kien hemm fis-sistema ta’ traffiku… taħwid kbir minn liema toroq setgħu jgħaddu s-sewwieqa, diżastru fis-sinjali tat-traffiku u anke biża’ li setgħu jseħħu inċidenti fatali.

Net News saqsa lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrstructure Malta jekk setax kien hemm pjanar aħjar fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Ivan Falzon ammetta li f’dawn l-aħħar xhur il-pubbliku kellu jgħaddi minn sagrifiċċju kbir minħabba t-taqlib li kien hemm f’dawn it-toroq… b’konsegwenza li ħafna nies qattgħu sigħat sħaħ imweħlin fit-traffiku f’dawn l-inħawi.

Filfatt, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Falzon talab lin-nies biex jagħmlu l-aħħar sagrifiċċju.. fejn skont hu kien ippjanat min qabel li dawn it-toroq jingħalqu fiż-żmien tal-festi tal-Għid il-Kbir. Perjodu fejn għalkemm l-istudenti ma jkollhomx skola u bosta jieħdu leave għal dan iż-żmien tas-sena… in-nies joħorġu aktar; u għalhekk l-ammont ta’ traffiku jaf ikun ħafna ikbar minn kemm pjanat.

B’Ivan Falzon jammetti li dan il-proġett kien mifni min-numru ta’ problemi… fosthom problemi ta’ disinn, ta’ dewmin u problema ta’ nuqqas ta’ provvista.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, qal li l-ewwel parti tal-proġett għandha titlesta sa April li ġej, it-tieni parti, li tagħti għal Ħal Luqa għandha tkun lesta sa Mejju filwaqt li l-mina tinfetaħ sa Lulju ta’ din is-sena. 

F’Diċembru li għadda l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant kien kritika b’mod mill-iktar aħrax dan il-proġett …u iddeskrivih bħala ġbejna.