Internazzjonali

Il-Vatikan: Il-Papa x’aktarx li joħroġ mill-isptar qabel Ħadd il-Palm

Il-kundizzjoni tal-Papa Franġisku qalbet ‘progressivament’ għall-aħjar wara li kellu jiddaħħal b’urġenza fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma.

Filwaqt li l-ewwel aħbarijiet kienu referew għal testijiet mediċi pjanati minn qabel, il-Vatikan, wara, qal li l-Papa kien qed ibati minn infezzjoni tan-nifs u kellu jinżamm taħt il-ħarsien tat-tobba.  It-testijiet li sarulu, intant, eliminaw il-problemi tal-qalb potenzjali u kull possibbiltà li hu kien marid bil-pneumonia.

L-aħħar bullettini dwar il-Papa sostnew li l-ewwel lejl tiegħu fl-isptar kienet trankwilla u li hu qed juri diġà t-titjib minn aspett mediku. Madankollu, jidher li l-Kap tal-Kattoliċi  għandu jinżamm l-isptar għal ftit jiem oħra — għalkemm it-tobba huma ottimisti li hu se jilħaq joħroġ qabel nhar il-Ħadd li hu ċelebrat ukoll bħala Ħadd il-Palm.

Matteo Bruni, il-kelliem għall-Vatikan, qal li l-Papa, fl-aħħar sigħat, kien qed jaqra l-gazzetti u jaġġorna ruħu mal-impenji tas-Santa Sede. Fil-fatt, kollox deher qed jirritorna għal sitwazzjoni ta’ ‘business as usual’ anki jekk jeħtieġ li l-Papa jinżamm xorta waħda taħt osservazzjoni.

Fl-aħħar sigħat ukoll komplew deħlin il-messaġġi minn madwar id-dinja bl-awgurju ta’ fejqan ta’ malajr għall-Papa. Numru ta’ messaġġi kienu mingħand il-Mexxejja tad-dinja, inkluż il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, li rrefera għall-Papa Franġisku bħala ‘ħabib kbir tiegħu’.