Lokali Qorti

Jitlob lill-Maġistrat jibgħatu l-ħabs għax għandu l-ġuħ

Raġel kien ikkundannat 30 xahar ħabs fuq pussess ta’ cannabis u drogi sintetiċi bi ħsieb ta’ bejgħ, wara li talab lill-Maġistrat biex jibgħatu l-ħabs għax kien bil-ġuħ u ried jieħu shower. Abdi Aziz Hasan Ibrahim ta’ 32 sena, li m’għandu l-ebda residenza permanenti, inqabad fil-fatt bi 28 qartas tad-droga moħbija fil-ħwejjeġ ta’ taħt u €180 fi flus kontanti waqt li kien fi ġnien fil-Marsa.

Permezz ta’ interpretu, huwa qal lill-Maġistrat Ian Farrugia li ried imur il-ħabs għax kellu bżonn jiekol. Qallu wkoll li ried jibda programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga biex ineħħi l-vizzju. L-Ispettur Sarah Zerafa qalet lill-Qorti li r-raġel kien il-ħabs fuq akkużi simili u nħeles f’Diċembru.

“Irid jifhem li ma jistax jaqla’ flus billi jbigħ id-droga. Għandu jsib xi mezz ieħor ta’ dħul,” hiqalet. Ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi u mbagħad iddeċieda li jirtira l-ammissjoni tiegħu, qabel għal darb’oħra reġa’ biddel l-opinjoni tiegħu għal waħda ta’ ħati.

Huwa, iżda, reġa’ pprova jirtiraha meta sema’ kemm kien weħel ħabs iżda l-qorti ma ppermettiethiex peress li s-sentenza kienet diġà ngħatat. Huwa ġie mmultat ukoll €1,000, bil-maġistrat jirrakkomanda li jingħata l-opportunità li jattendi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Għar-raġel dehret l-Avukat Sue Mercieca.