Sport Sport Ieħor

Kickboxing: Tnax-il rebħa minn sittax għat-tim Malti fil-Gladiators Amateurs Fight Night

(Ritratt: Martin Agius)

Aktar suċċessi għall-kickboxers Maltin wara li ġiet fi tmiemha s-sitt edizzjoni ta’ Gladiators Amateurs Fight Night li ttellgħet ġewwa l-Montekristo Estates.

Diversi atleti ġodda kellhom l-opportunità li jikkompetu f’taqbid ta’ kickboxing, K1, kif ukoll boxing. Ħafna minn dawk li kkompetew kellhom iċ-ċans li jiġġieldu f’ring professjonali filwaqt li joffru spettaklu lill-udjenza preżenti.

Dawn l-isportivi, li l-etajiet tagħhom jibdew minn saħansitra 8 snin, iqattgħu siegħat twal fil-ġimgha jitħarġu sabiex ikunu preparati kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Numru sostanzjali ta’ ġellieda kkompetew kemm f’isem il-klabb rispettiv taghħom kif ukoll f’isem Malta ma’ pajjiżi differenti fosthom Spanja, Sqallija u l-Irlanda.

Minn total ta’ sittax-il ġlieda f’isem pajjizna, it-Tim Malti rebaħ tnax minnhom.

Gladiators Promotions bħalissa għaddejja bi preparazzjonijiet kbar għall-edizzjoni li jmiss tal-Gladiators Fight Night, proprju t-tmienja u għoxrin edizzjoni li ser tittella’ fil-lukanda Hilton, ġewwa San Ġiljan, fit-3 ta’ Ġunju.

Fl-edizzjoni li jmiss mistennija diversi bawts interessanti minn ġellieda rinomati fosthom Jesred Piscopo, li għall-ewwel darba ser ikun qiegħed jissielet għat-titlu tal-WBC Mediterranean Muay Thai, stil b’oriġinu Tajlandiż li jitqies pjuttost ġdid ġewwa pajjiżna.

Gladiators Promotions ferħet lill-atleti kollha tal-kisbiet tagħhom filwaqt li awgurat kull suċċess lil dawk li bħalissa għaddejin b’taħriġ intensiv sabiex jikkompetu f’Ġunju li ġej.

Ritratti ta’ Martin Agius