Lokali

Konferma li l-eks Direttur tal-MFSA kiser il-kodiċi ta’ etika meta mar mawra ma’ Yorgen Fenech

Kiser il-kundizzjonijiet tal-etika.

Dan hu dak li ħareġ rapport tal-MFSA dwar il-mawra li l-eks CEO tal-istess awtorità Joseph Cuschieri kellu ma’ Yorgen Fenech f’Las Vegas. Magħhom kien hemm ukoll Edwina Licari, li kienet il-konsulent legali tal-MFSA.

Il-każ kien ġie żvelat mit-Times of Malta f’Novembru tal-2020; sena wara li Fenech ġie arrestat u akkużat li wettaq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Permezz ta’ panel indipendenti magħmul mill-eks Prim Imħallef, flimkien ma’ dak li issa huwa l-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi u l-avukat indipendenti Mark Simiana…. ġie konkluż  li Cuschieri  kiser l-etika tal-MFSA, iżda mhux l-istess għamlet Licari.

Mill-fatti żvelati, il-vjaġġ lejn Las Vegas kien imħallas mill-imprenditur Yorgen Fenech …u seħħ f’Mejju tal-2018.

Dak iż-żmien….Joseph Cuschieri kien xhud ewlieni f’kawża legali kontra Tumas Gaming, li tagħhom Fenech kien wieħed mid-diretturi.

Meta ħarġet l-aħbar, kemm Joseph Cuschieri kif ukoll Edwina Licari issospendew lilhom infushom mill-karigi rispettivi fl-MFSA, bl-avukat Licari tirriżenja wkoll mill-Bord tal-FIAU.

Fl-2020, meta mistoqsi dwar dan il-każ, il-Prim Ministru Robert Abela qal pubblikament li skont il-fatti kif qed jarahom hu…f’dan il-kaz ta’ Joseph Cuschieri ma kienx hemm ksur ta’ etika.