Futbol Sport

L-Indoneżja titlef id-dritt li torganizza t-Tazza tad-Dinja U-20

(Ritratt: EPA)

Il-FIFA ħabbret li l-Indoneżja mhux se torganizza l-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja U-20 li kellha tibda fl-20 ta’ Mejju. Dan wara laqgħa li saret f’Doha bejn il-President tal-FIFA Gianni Infantino u Erick Thohir, President tal-FA tal-Indoneżja.

Il-kawża ta’ din id-deċiżjoni drastika hi minħabba l-parteċipazzjoni ta’ l-Iżrael bħala wieħed mill-24 tim li kkwalifikaw għal din il-fażi finali. L-Indoneżja hu pajjiż Musulman u m’għandux relazzjonijiet diplomatiċi ma’ l-Iżrael.

Id-dubju dwar l-organizzazjoni ta’ dan it-turnament f’idejn l-Indoneżja kiber nhar il-Ħadd meta l-FIFA pposponiet it-tlugħ tal-poloz wara li l-President tal-Indoneżja Joko Widodo qal li qed jopponi għall-preżenza ta’ l-Iżrael u qal li aċċetta l-organizzazjoni għax ma kienx jaf li l-Iżrael se jikkwalifikaw.

Protesti f’Jakarta kontra l-parteċipazzjoni tat-tim Nazzjonali U-20 tal-Iżrael (Ritratt: EPA)