Ewropa Lokali

“L-istituzzjonijiet iridu jmexxu kontra l-korrotti u mhux imexxu kontra dawk li jikxfuhom ” – David Casa

“L-istituzzjonijiet iridu jipproteġu lin-nies u mhux lil dawk li tradewhom”

Dan sostnieh l-MEP David Casa waqt li kien qed jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fejn David Casa ddefenda lill-Maltin kontra l-ħniżrijiet li qed isiru minn fuq dahar il-Maltin u li għalihom il-ġustizzja qiegħda kontinwament tiġi miċħuda.

Huwa qal li l-ħatfa tal-Istat mill-Gvern Laburista qed issir sabiex jiġu pprotetti n-nies fil-poter; u biex dawk li suppost qiegħdin hemm biex iservu lin-nies ikun jistgħu jitħanżru minn fuq dahar il-poplu.

David Casa wissa li t-theddida għas-saltna tad-dritt qiegħda tkompli sejra għall-agħar, b’sitwazzjoni diżastruża ta’ prosekuzzjonijiet vojta u rata ineżistenti għall-kundanni kontra il-korruzzjoni u kontra uffiċjali politiċi ta’ livell għoli u korrotti. Barra minn hekk huwa kkritika l-investigazzjonijiet li ma jispiċċaw qatt, il-prosekuzzjonijiet li ma jistgħux jirnexxu minħabba inkompetenza grassa kif ukoll inkompetenza intenzjonata.

Waqt id-diskors tiegħu David Casa talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel dmirha u tappoġġja s-saltna tad-dritt, biex tassigura li l-istituzzjonijiet jipproteġu lill-Maltin, mhux lil dawk li ttradewhom. Biex tmexxi kontra l-korrotti, mhux tmexxi kontra dawk li jikxfuhom.