Internazzjonali

L-Iżvizzera: Kundannati talli ma osservawx ir-regoli għad-depożiti tal-miljuni ‘li setgħu kienu ta’ Putin’

Erba’ bankiera li permettew ħabib ta’ Vladimir Putin biex jiddepożita s-somom enormi ta’ flus fil-banek tal-Iżvizzera nstabu ħatja li ma osservawx ir-regoli ta’ due diligence – li fost oħrajn ifisser l-evalwazzjoni dettaljata ta’ individwi jew intrapriżi u r-rekords finanzjarji tagħhom.

L-eks-eżekuttivi mal-fergħa tal-Gazprombank (tar-Russja) fi Zurich ingħataw sentenzi sospiżi ta’ ħabs għal seba’ xhur talli għenu u appoġġjaw lill-mużiċista Sergei Roldugin, imlaqqam bħala ‘il-portafoll’ tal-President tar-Russja.

Dan meta qed jingħad li Roldugin iddepożita l-ekwivalenti ta’ 30 miljun ewro għal Putin bejn l-2014 u l-2016 – u mingħajr ma hu provda spjegazzjoni kredibbli dwar is-sors wara dawn il-flus. Roldugin hu l-parrinu ta’ Maria, it-tifla l-kbira tal-President Russu.

Il-liġi tal-Iżvizzera tirriserva d-dritt għall-banek biex jiċħdu jew jagħlqu l-kontijiet f’każ li jkollhom id-dubji dwar id-depożituri inkella l-account holder u s-sorsi tal-flus.

Tlieta fost il-bankiera kundannati huma Russi, bl-ieħor ikun ċittadin tal-Iżvizzera. L-erba’ irġiel, li ma setgħux ikunu identifikati taħt ir-restrizzjonjiet għar-rappurtaġġ fl-Iżvizzera, qalu li se jappellaw kontra d-deċiżjoni mill-Qorti Żvizzera.

Din il-qorti ma setgħetx tipprova li l-erba’ setgħu kellhom id-dubji meta l-mużiċista preżenta ruħu quddiemhom bil-miljuni tad-dollari. Madankollu. il-verdett għamilha ċara li l-erba’ bankiera ma eżerċitawx id-dmir li jaġixxu bil-mod xieraq u stipulat skont il-liġijiet ta’ due diligence.

Ir-rabtiet finanzjarji bejn il-President Putin u Roldugin kienu żvelati, fl-2016, bħala parti mill-Panama Papers…Dokumenti li kienu jinvolvu l-leak ta’ miljuni ta’ dokumenti kunfidenzjali mill-kumpanija tal-liġi Mossack Fonseca bbażata fil-Panama.

L-informazzjoni nkixfet mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi – sentejn wara li Roldugin stqarr uffiċjalment li ma kienx miljunarju. Fil-fatt, l-Imħallef fil-qorti ta’ Zurich sostna li ma hemm l-ebda dubju li l-flus depożitati f’din il-kwistjoni ma kenux tal-mużiċista – filwaqt li saħaq li l-bankiera naqsu bil-kbir meta ma staqsewx dwar is-sors tal-flus.

Il-każ għandu implikazzjonijiet kbar minħabba l-għajdut konsistenti li l-President Putin – li jinsab taħt sanzjonijiet mill-Punent – għandu ġid enormi fil-forma tal-mijiet tal-miljuni li parti minnhom huma investiti barra r-Russja.