Lokali

Meħtieġa aktar trasparenza fit-tmexxija tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji – PN

Tletin xahar wara li kien żvelat li l-eks Kap Ezekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) kien il-mistieden speċjali ta’ Yorgen Fenech fuq vjaġġ lussuż lejn Las Vegas fl-Istati Uniti, flimkien mal-kollega tiegħu Edwina Licari, bdew joħorġu fil-pubbliku aktar dettalji. Dan id-dewmien hu kawża ta’ tattiċi mill-MFSA biex jimpedixxu milli l-informazzjoni tingħata lill-poplu Malti u Għawdxi.

Wara sforzi mill-media indipendenti, TheShiftNews, li sabu ħajt quddiemhom meta talbu l-informazzjoni, inkluż taħt il-Ministru tal-Finanzi attwali Clyde Caruana, din l-informazzjoni issa bdiet toħroġ wara proċessi twal legali. F’mument kritiku għal Malta quddiem żviluppi fix-xena internazzjonali fis-settur tas-servizzi finanzjarji, l-aħħar ħaġa li għandu bżonn pajjiżna hu li Ministru jiddefendi u jaħbi l-abbuż sfaċċat.

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA, li jinkludi lill-eks Ministru Edward Scicluna, li kien hu stess li appunta lil Joseph Cuschieri bħala Kap Ezekuttiv tal-MFSA u li prattikament ta żieda fil-paga tiegħu stess bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali, ma kellux triq oħra ħlief li jinforma lill-pubbliku dwar in-nuqqasijiet li wettaq Joseph Cuschieri. Minkejja pakkett ta’ aktar minn €140,000 fis-sena, Joseph Cuschieri ma għarafx iżomm mad-dmirijiet tiegħu b’mod etiku. Fi żmien meta kien responsabbli mit-tmexxija tal-MFSA, il-Gvern kellu joħroġ mal-€25 miljun f’sena waħda biss minħabba li l-ispejjeż żdiedu ferm.

Ir-rapport li ppublikat l-MFSA, 28 xahar wara li ġie miktub, jinkludi wkoll fatti dwar Edwina Licari. Din kienet irriżenjat minn Gvernatur tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) meta l-mezzi tax-xandir kixfu fatti dwar btala li marret ma’ Yorgen Fenech f’Las Vegas. Kien ġie rrappurtat li l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien talab ir-riżenja ta’ Licari. Għaldaqstant, issa jqumu aktar mistoqsijiet dwar għaliex Licari ntalbet tirriżenja mill-FIAU imma għadha żżomm postha fl-MFSA u saħansitra hi membru tal-Executive Committee, jiġifieri dak il-kumitat li jiddeċiedi materji importanti ħafna fl-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal aktar trasparenza fis-settur tas-servizzi finanzjarji biex terġa’ tinbena l-fiduċja li l-Gvern Laburista kisser f’dan is-settur. Dan is-settur, bħal dak tas-saħħa, hu vittma tal-ħabi u t-tberbiq bl-addoċċ u mingħajr trasparenza li Gvern Laburista kasbar u uża biex jitħanżru tal-qalba.

Dan kollu intqal fi stqarrija tad-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.