Lokali Qorti

Mixli li ffroda persuni fi scam dwar kiri ta’ propjetà

Raġel inżamm arrestat wara li ġie mixli li ffroda diversi persuni minn tal-inqas €9,000 fi scam ta’ kiri ta’ proprjetà. Mark Mallia ta’ 35 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia. L-Ispetturi tal-Pulizija Darren Buhagiar u Keith Xerri akkużaw lil Mallia li f’Novembru li għadda ffroda numru ta’ nies billi qarraq bihom biex iħallsu depożiti għall-kirja ta’ diversi appartamenti f’Ħaż-Żabbar, li ma kinux tiegħu.

Mallia kien mixli wkoll li ffroda kumpanija lokali tal-‘cabs’ u li għamel użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika, wara li kiseb aċċess għas-sistema ta’ booking online tiegħu. Inizjalment l-imputat qal li kien se jwieġeb ħati, iżda aktar tard irtira t-talba tiegħu wara li l-maġistrat spjegalu li potenzjalment jista’ jintbagħat il-ħabs għal perjodu ta’ żmien konsiderevoli.

Mallia kkonsulta mal-avukat difensur tiegħu, Sue Mercieca, qabel ma bidel il-ħsieb u qal li kien qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.