Lamin Samura Seguba, ċittadin mill-Gambja residenti San Pawl il-Baħar, inżamm taħt arrest preventiv talli poġġa ritratt intimu tal-eks tfajla tiegħu online mingħajr il-kunsens tagħha. Dan seħħ inqas minn ġimgħatejn wara li ngħata l-libertà proviżorja fuq każ differenti.
Seguba ta’ 37 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi, li kienu jinkludu li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien u li hedded lill-mara. Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-każ u l-periklu reali li jista’ jbagħbas il-provi, speċjalment peress li l-mara kienet għadha ma xehditx.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri saħqu li l-laptop u l-mobile ta’ Seguba, fejn kienu maħżuna r-ritratti indiċenti, kienu diġà fil-pussess tal-pulizija, u għalhekk ma kien hemm ebda mod li jista’ jbagħbas l-evidenza. Madankollu, l-Ispettur Omar Zammit sostna li l-akkużat kien irrifjuta li jipprovdi passwords biex jaċċessa l-apparat.
Il-Qorti ċaħdet it-talba, u r-raġel inżamm arrestat. Seguba kien ingħata l-ħelsien mill-arrest ġimagħtejn ilu, f’kawża separata li fiha jinsab mixli li kisser il-windshield ta’ karozza ta’ raġel waqt argument. Huwa kien ġie mixli wkoll li akkuża b’mod falz lill-pulizija li serqu €20,000 mingħandu u li għamel ħsara fuq xi oġġetti fl-isptar Mater Dei wara li kien tilef il-paċenzja waqt li kien qed jistenna li jiġi invistat minn tabib.