Raġel ta’ 35 sena li joqgħod Ħaż-Żebbuġ ġie arrestat wara li allegatament ilbieraħ filgħaxija pprova jsuq fuq għadd ta’ Pulizija f’Ħ’Attard. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30pm.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-raġel kien arrestat wara li naqas milli jieqaf waqt kontroll tat-traffiku li kien qed isir fi Triq l-Imdina. Intqal, li l-Pulizija għamlulu sinjal biex jieqaf għax kellu l-liċenzja skaduta. Madankollu, ix-xufier żied il-veloċità fid-direzzjoni tal-Pulizija, tant li l-uffiċjali kellhom iwarrbu min-nofs biex ma jintlaqtux. Is-sewwieq ħarab minn fuq il-post. Il-Pulizija segwewh sakemm iċċirkondawh u arrestawh fi Triq Ħ’Attard, f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-Pulizija qalet li fl-operazzjoni, is-sewwieq inqabad jarmi arma tan-nar mill-vann. Filwaqt, li fil-vann, il-Pulizija sabu kontenitur b’sustanza bajda, suspettata kokaina.
Saret ukoll tfittxija f’garaxx f’Birkirkara u fid-dar tar-raġel li ġie arrestat. Hemmhekk, il-Pulizija sabet aktar sustanza suspettata li hi kokaina, eroina u kannabis. Instabu wkoll, imwieżen, sikkina kbira b’xafra ta’ madwar 45 ċentimetru u diversi balal ta’ kalibri differenti.
Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>