Futbol Sport

BOV Challenge League: Daqqa ta’ ħarta għar-Rainbows

NAXXAR L. ………………… 2

TARXIEN R. ……………….. 1

Naxxar L: A. Fenech, K. Farrugia, R. Mercieca, N. Pace Cocks, J. Suda, A. Azzopardi, J. Bajada, J. Ellul, J. Azzopardi, C. Gauci, R. Blandon.

Tarxien R: M. Debono, F. Conceicao, B. Muscat, M. Spiteri, D. Falzon, S. Bezzina, B. Farrugia, J. Concecao Cabral, F. Santos de Oliveira, D. Agius, E. Mbong.

Referee: Darryl Agius

Tarxien Rainbows ħadu daqqa ta’ ħarta fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jiksbu t-tielet post meta kienu megħluba minn Naxxar f’logħba ferm kumbattuta u ta’ livell tekniku għoli. Naxxar minkejja li huma diġa’ promossi onoraw il-logħba filwaqt li Tarxien issa jittamaw li Żejtun ifallu kontra Sliema biex jilagħbu l-aħħar karti tagħhom fil-konfront dirett kontra Żejtun.

Tarxien li riedu bilfors it-tliet punti minn dan il-konfront dehru iktar determinati fl-ewwel battuti tal-logħba iżda iktar ma beda għaddej il-ħin iktar Naxxar bdew jieħdu kontroll tas-sitwazzjoni u l-ewwel taqsima tista’ tgħid li kienet bilanċjata bil-Lions jispiċċaw deċiżament aħjar wara li kisbu l-gowl tal-vantaġġ.

Ftit kien hemm azzjonijiet ta’ skor bit-tim Naxxar jmur minn fuq man-nofs siegħa logħob meta wara azzjoni fuq ix-xelluq, Debono salva parzjalment ix-xutt ta’ Gauci u Joel Ellul kien fil-post eżatt biex kompla l-balun għal ġewwa.

L-unika risposta konkreta tar-Rainbows waslet ftit wara meta Santos de Oliveira xeħet għoli minn qagħda tajba.

Fit-tieni taqsima d-dħul ta’ Nonato u Daneel Abela ttrsfromaw l-attakk ta’ Tarxien li wara ftit minuti fallew ċans tad-deheb permezz tal-istess Abela. Tarxien kellhom diversi tentattivi lejn il-lasta u l-pressjoni tagħhom ħalliet il-frott fl-64 minuta meta Conceicao Cabral għeleb in-nasba tal-offside u spara fix-xibka.

Tliet minuti wara l-istess Cabral impenja lil Fenech u mir-rebound ix-xutt ta’ Nonato niżel fuq il-mimduda. Fit-72 minuta risposta ta’ Naxxar u save brillanti ta’ Debono li ċaħħad lis-sostitut Connor Zammit. Iżda tliet minuti wara inċertezza fid-difiża ta’ Tarxien u Blandon approfitta biex skorja mill-viċin għal dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.